Lokali Qorti

L-Imħallef Francesco Depasquele jgħid l-media u l-kommunikazzjoni trid tkun aktar preżenti fil-Qrati

L-Imħallef Francesco Depasquale fis-seduta inawgurali tiegħu appella biex il-Qrati ikunu aktar “media savy” fejn tenna li fid-dinja tal-lum għandu jiġi kreat Uffiċċju ta’ Kommunikazzjoni għall-Qrati u, aktar importanti, b’kampanja edukattiva fit-tul dwar liġijiet, deċiżjonijiet tal-Qrati w l-operat tal-Qrati in ġenerali.

Fl-istess seduta, il-Viċi President tal-Kamra tal-Avukati, Vincent Galea qabel li r-rwol tal-media fil-Qrati għandu jiġi diskuss biex ikunu aktar korretti. Huwa fakkar wkoll li l-Imħallef Depasquale huwa bniedem li mexa tant tajjeb fil-Maġistratura u li hu jafu sew peress li kien fl-istess kors miegħu.

Fl-ewwel seduta tiegħu bħala Imħallef, Dr Francesco Depasquale qal li kif dejjem għamel se jagħmel sforz biex il-Ġustizzja ssir fi żmien raġonevoli, u dan minkejja l-limitazzjonijiet kbar li jeżistu fil-Qrati tagħna llum il-ġurnata.

F’awla 22, fil-preżenza fost oħrajn tal-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonniċi, membri tal-ġudikatura, avukati u membri tal-familja tiegħu, Dr Depasquale qal li ma jistax ma jenfasiżżax kemm huwa xogħol diffiċli u mpjenjattiv ir-rwol li kellu, dak ta’ Maġistrat, meta 99 fil-mija tax-xogħol kriminali kollu jiġi deċiż mill-Maġistrati.

Il-media soċjali saret qisha "Vanġelu"
Awla 22 fil-Qorti

Qal li huma ftit li japprezzaw verament it-toqol tax-xogħol ta’ Maġistrat, liema xogħol ikollhom jagħmlu fis-skiet u mingħajr daqq ta’ trombi, mingħajr ma jippretendu grazzi mingħand ħadd, u anzi ġeneralment jiġu kkritikati minn nies li ftit li xejn jkollhom idea tal-fatti tal-każ, jekk mhux ukoll, kif qed jiġri llum il-ġurnata, jiġu mhedda u intimidati pubblikament.

L-Imħallef kompla jgħid li fid-dinja tal-lum, fejn ir-realtajiet tal-ħajja ġew totalment mibdula bl-avvent tal-medja soċjali, qed naslu fl-assurdita’ li dak li jingħad fuq il-medja soċjali, mingħajr ebda tip ta’ verifika u possibilment b’intenzjoni qarrieqa u destabiliżanti, qed jittieħed bħala vanġelu minn kulħadd.

Huwa għalhekk li, l-ġurnalisti, aktar minn qatt qabel għandhom rwol vitali u essenzjali fid-demokrazija tagħna fejn  iċ-ċittadin iħares lejhom bħala sors indipendenti u imparzjali ta’ verita’. Qal li huwa għalhekk mportanti, aktar minn qatt qabel, li l-ġurnalisti jassikuraw li l-fatti kollha a konoxxenza tagħhom jiġu rappurtati u dan sabiex jibqgħu jonoraw il-valuri prinċipali li jagħtu leġittimita’ lill-ġurnalist għal xogħolu, ossija l-valuri ta’ korrettezza fir-rapurtaġġ, indipendenza, imparzjalita’, umanita’, trasparenza u kontabilita’, liema valuri huma lkoll meqjusa bħala s-sisien ta’ ‘l hekk imsejjaħ “ethical journalism”.

L-Imħallef Depasquale qal li s-soċjeta’ tal-lum hija għatxana għal ċertezza kif ukoll għall-verita’, f’dinja mimlija miżinformazżjoni u gideb, u għalhekk huwa mportanti li l-ġurnalisti jirrappurtaw  b’lealta’. Il-qarrej għandu jitpoġġa f’pożizzjoni li jiġġudika huwa stess dwar x’inhi l-verita’ mingħajr ma jiġi nfluwenzat minn xi kumment personali jew xi aġenda moħbija.

“Bħala ġudikanti, l-ġurnalisti għandhom dover lejn is-soċjeta’ li jkunu mparzjali u leali lejn il-verita’ u għalhekk inħeġġiġhom sabiex ikomplu fix-xogħol siewi, ingrat u diffiċli tagħhom u, filwaqt li, għal darba oħra, nirringrazzjahom ta’ xogħolhom u nsellmilhom minn hawn,” qal l-Imħallef Depasquale.

Huwa għalaq billi qal li qiegħed fil-pożizzjoni ta’ Mħallef biex iservi, u wiegħed li se jagħmel l-almu tiegħu biex jassikura li ċ-ċittadin jħoss illi l-ġustizzja mhux biss qiegħda ssir, iżda jara wkoll li qiegħda ssir bl-aktar mod effiċjenti u effettiv, filwaqt li jżomm quddiem għajnejh li kull ċittadin huwa uman u għandu jiġi trattat b’rispett u lealta’.