Lokali

IR-RITORN: Neville Gafà lura l-Libja bħala parti minn delegazzjoni tal-Gvern

Neville Gafà, li l-irwol tiegħu mal-Gvern qatt ma ġie mifhum jew spjegat, it-Tlieta li għadda ġie rrappurtat li rritorna l-Libja bħala parti minn delegazzjoni tal-Gvern. Fil-fatt, ismu reġa feġġ f’rapporti mhux biss lokali, imma wkoll internazzjonali, b’Neville Gafa jidher anke fir-ritratti ppubblikati fuq siti Libjani. 

Il-Gvern Malti ma ħareġ l-ebda stqarrija dwar dawn it-taħdidet tad-delgazzjoni Maltija ma’ uffiċjali Libjani, fosthom il-Viċi Prim Ministru Ahmed Maiteeq. Il-Gvern Libjan ippublika ritratti ta’ din il-laqgħa, fejn fihom jidher Neville Gafà.

Meta mistoqsi dwar din il-mawra, Neville Gafà qal li ma jistax iwieġeb u li ma jistax jgħid, u biex jintbagħtu l-mistoqsijiet permezz ta’ email.

Skont il-Gvern Libjan, Gafà mar mal-Ambaxxatur Malti għal Tripli, Charles Saliba biex jiġu diskussi r-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali ta’ bejn Malta u l-Libja.

Neville Gafà ma’ Keith Schembri

Neville Gafà nistgħu ngħidu li hu figura ċentrali fil-Partit Laburista, u huwa parti miċ-ċirku ta’ nies magħrufa li jkunu qrib ferm ta’ Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Huwa kien involut fl-iskandlu tal-visas mediċinali lil numru ta’ refuġjati Libjani, u kien fl-eventwalità tkeċċa mill-Ministeru tas-Saħħa. Gafà kien ingħata €50,000 minn Konrad Mizzi meta kien Direttur tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. Wara din it-tkeċċija l-istess Gafà baqa’ jirraporta għax x-xogħol fl-uffiċju tiegħu f’Kastilja fuq bażi volontarja.