Jibqa’ ma jintlaħaq l-ebda ftehim fost il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea dwar min għandu jmexxi l-Kummissjoni Ewropea fi tmiem it-terminu ta’ Jean Claude Juncker. Karigi oħra li s’issa lanqas ma hemm qbil dwarhom huma dawk fit-tmexxija tal-Kunsill Ewropew u tal-Bank Ċentrali Ewropew, kif ukoll diversi pożizzjonijiet oħra fil-politika barranija tal-Unjoni Ewropea.
Id-diskussjoni damet sa tard bil-lejl, bil-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk qal lill-media li l-Mexxejja Ewropej mistennija jerġgħu jiltaqgħu fl-aħħar ta’ Ġunju għal working dinner. Kritiċi qalu b’ton sarkastiku li hu eħfef li kieku kellu jiġi elett xi Papa milli biex jintlaħaq dan il-qbil.
Tusk kompla li l-Kunsill Ewropew kellu diskussjoni fit-tul dwar il-persuni nominati, iżda baqa’ ma kien hemm l-ebda maġġoranza għall-ebda Kandidat. L-uniku qbil kien dwar il-ħtieġa li l-magħżulin ikunu jirriflettu d-diversità li llum tħaddan l-Unjoni Ewropea.
Min-naħa tiegħu, bi tbissima, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker qal li jħossu sodisfatt li mhux faċli jkun sostitwit, filwaqt li kompla li l-qbil mhux xi ħaġa faċli lanqas fl-aħħar tax-xahar. Iżda dan il-proċess hu bżonnjuż li jingħalaq.
Kemm Juncker, kif ukoll Tusk qagħdu lura milli jiżvelaw dettalji tad-diskussjoni.
Lanqas il-Mexxejja Ewropej ma taw l-ebda dettalji, b’rapporti jgħidu li huma tħallew waħedhom f’kamra bil-linji tal-mobile iġġamjati u b’rappreżentant tal-Kummissjoni jassistihom. Huma qed isostnu biss li taħt kwalunkwe ċirkostanza, iridu li l-karigi kollha jimtlew qabel ma jibda jitlaqqa’ l-Parlament Ewropew il-ġdid.
F’isem Malta, il-Prim Ministru Joseph Muscat diġà ddikjara li qed jimbotta isem is-Soċjalist Frans Timmermans. Dan minkejja li qed jippreżenta proposti li ma jagħmlux ġid lil Malta, fosthom b’sistema unika ta’ tassazzjoni, li tiżvantaġġa l-pożizzjoni finanzjarja attwali li jgawdi minnha pajjiżna.
Fil-fatt, bl-appoġġ tiegħu, Muscat jidher li qed jitkellem biss f’isem il-partitarji Laburisti – bħala parti mill-Grupp tas-Soċjalisti Ewropej – u mhux f’isem il-pajjiż kollu. Dan minkejja d-diversi appelli tiegħu li lest jaħdem għall-Maltin u l-Għawdxin kollha. Iżda mal-ewwel okkażjoni, hu qed jagħżel li jappoġġja persuna bi proposti u ideat kontra pajjiżna.
//= $special ?>