Sport

L-Għaqda Ġurnalisti Sports torganizza l-Laqgħa Ġenerali Annwali

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Ilbieraħ, l-Għaqda Ġurnalisti Sports organizzat il-Laqgħa Ġenerali Annwali li għalqet il-ħidma għal din is-sena fejn fiha ġew diskussi diversi suġġetti u ġew approvati aktar emendi fl-istatut.

Is-Segretarju Ġenerali Lorraine Cunningham ippreżentat ir-rapport amministrattiv tal-Għaqda li kopra l-ħidma impenjattiva tal-aħħar 12-il xahar. F’dan ir-rapport il-membri kellhom l-opportunità li jsegwu l-ħidma tal-Kumitat Eżekuttiv li ltaqa’ uffiċjalment 12-il darba, minbarra diversi laqgħat ma’ entitajiet governattivi u assoċjazzjonijiet sportivi flimkien ma’ ħidma oħra.

Stephen Azzopardi ppreżenta r-rapport finanzjarju tal-GħĠS li fih kienet konfermata t-titjib fis-sitwazzjoni finanzjarja tal-Għaqda. Iż-żewġ rapporti kienu approvati b’mod unanimu mill-membri preżenti.

Fil-laqgħa ġew spjegati l-emendi fl-istatut li kienu neċessarji biex l-Għaqda Ġurnalisti Sports tkun konformi mat-talbiet tal-Kummissarju tal-Organizzazzjonijiet Volontarji, hekk kif l-Għaqda Ġurnalisti Sport tinsab fil-proċess li tkun rikonoxxuta uffiċjalment bħala organizzazzjoni volontarja.

Fid-diskors tal-għeluq, il-President tal-GħĠS Sandro Micallef irringrazzja lil SportMalta tal-kollaborazzjoni tagħhom matul is-sena. Hu semma b’mod partikolari l-programm ta’ attivitajiet li se jkunu organizzati s-sena d-dieħla. Is-sena 2020 hi importanti għall-Għaqda Ġurnalisti Sports hekk kif se tkun qed tiċċelebra l-50 sena anniversarju mit-twaqqif tagħha u s-60 sena anniversarju mill-ewwel edizzjoni tal-Isportivi Nazzjonali lura fl-1960.