Futbol Sport

L-Ingilterra eliminata f’xalata ta’ gowls lejn it-tmiem

(Ritratt: EPA)

L-Ingilterra sfat eliminata wara li ġiet megħluba 4-2 mir-Rumanija f’Cesena, bil-gowls kollha jaslu fl-aħħar 18-il minuta tal-logħba. Għat-tim Ingliż din kienet it-tieni telfa wara dik ta’ 2-1 kontra Franza ftit jiem ilu.

George Puscas fetaħ l-iskor fis-76 minuta minn penalty wara fawl fil-kaxxa ta’ Jonjoe Kenny. L-Ingilterra ġabet id-draw tliet minuti wara b’xutt mill-kaxxa ta’ Demarai Gray, iżda Ianis Hagi poġġa lir-Rumeni minn fuq fil-85 minuta. Madankollu Tammy Abraham ġab id-draw żewġ minuti wara.

L-Ingliżi kienu aktar fil-bżonn ta’ rebħa u t-tim ta’ Aidy Boothroyd tefa’ kollox fl-attakk biex isib il-gowl tar-rebħa, iżda spiċċaw biex ir-Rumanija skorjat darbtejn. Florinel Coman għamel l-iskor 3-2 fid-89 minuta f’azzjoni li l-gowlkiper Dean Henderson seta’ għamel aħjar, biex erba’ minuti wara l-istess plejer reġa’ skorja b’xutt minn barra l-kaxxa.

Ir-rebħa ta’ 1-0 li Franza kisbet fuq il-Kroazja fil-logħba l-oħra minn Grupp Ċ, assigurat li l-Ingilterra ma tistax tikkwalifika, minħabba li min jirbaħ it-tliet gruppi u l-aqwa tim minn dawk li jispiċċaw it-tieni jilagħbu s-semifinali. Il-gowl li ddeċieda l-logħba wasal wara biss tmien minuti b’Jeff Reine-Adelaide jservi lil Moussa Dembele li għeleb lil Josip Posavec b’daqqa ta’ ras.