Lokali Qorti

Liam Debono jintbagħat ħames snin ħabs fuq sewqan bla liċenzja – skwalifikat milli jkollu liċenzja tas-sewqan għal 10 snin

Liam Debono ta’ 18-il sena, residenti ż-Zejtun ġie kundannat ħames snin ħabs mill-Maġistrat Joe Mifsud wara li nstab ħati li saq meta kellu l-liċenzja miżmuma. Debono, li jinsab akkużat bl-attentat ta’ qtil tas-Surġent Simon Schembri, kien ġie arrestat f’Ħal Luqa wara li nqabad isuq bla liċenzja. Il-Qorti skwalifikat ukoll lil Debono milli jkollu liċenzja għal 10 snin u li dawn jibdew jgħoddu meta huwa jiskonta s-sentenza ta’ priġunerija.

Debono li kien tajjar lill-Pulizija tat-traffiku Simon Schembri u ħallieh għal xi jiem jissielet għal ħajtu s-sena l-oħra, instab ħati li kien qed isuq karozza mingħajr liċenzja u assigurazzjoni meta kellu ordni mill-Qorti biex ma jsuqx wara li kien ingħata l-ħelsien mill-arrest.

Il-każ li huwa nstab ħati fih seħħ fl-24 ta’ Mejju 2019, meta huwa ntlemaħ minn Pulizija li ma kienx xogħol isuq. Debono illum ġie kkundanat ħames snin ħabs u weħel multa ta’ €11,000, kif ukoll 10 snin projibit milli jsuq. Huwa tilef ukoll id-depożitu ta’ €10,000 u garanzija ta’ €50,00 li kien ħallas biex ingħata l-ħelsien mill-arrest fil-proċeduri għaddejin fil-konfront tiegħu fl-attentat ta’ qtil tal-Pulizija Simon Schembri.

Kien għall-ħabta tal-5.30pm, meta Debono ntlemaħ isuq minn pulizija pajżan mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali. Debono, li għandu 18-il sena u jgħix iż-Żejtun, kien qed isuq karozza tat-tip Fiat Uno fil-viċinanzi fejn seħħ l-inċident li fih ittajjar is-Surġent Schembri.

Eventwalment Debono twaqqaf fi Triq Mikielanġ Sapiano f’Ħal Luqa. Huwa ġie arrestat u ttieħed id-Depot tal-Pulizija.Huwa kien ingħata l-ħelsien mill-arrest f’Settembru li għadda b’diversi kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €40,000. Huwa kellu wkoll jiffirma l-għassa taż-Żejtun kull nhar ta’ Sibt,  u ma joħroġx barra bejn id-9.00pm u s-6.00am.

Il-Qorti faħħret ukoll l-aġir tas-Surġent Kevin Curmi fejn minkejja li ma kienx xogħol wassal biex jiġi solvut dan il-każ.

Għall-akkużat deher l-avukat tal-għajnuna legali Victor Bugeja.