Ġenituri u tfal li jattendu fl-iskola St Joseph tal-Blata l-Bajda għadhom maħsuda bil-mewt tat-tifla li tattendi f’din l-iskola, u li kienet vittma fl-inċident traġiku tal-bieraħ filgħaxija.
It-tifla ta’ 10 snin mill-Imtarfa mietet fl-inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq il-Prajjiet, bejn il-Manikata u Popeye’s Village.
L-inċident fatali għall-ħabta tal-5:30pm. Kollox jindika li missier it-tifla – li miegħu kellu ħabiba tat-tifla ta’ 10 snin – tilef il-kontroll tal-vettura tat-tip Toyota Aygo li kien qed isuq fid-direzzjoni ta’ Popeye’s Village, bil-karozza tispicca taħbat maċ-ċint baxx fil-ġenb tat-triq u tinqaleb fuq is-saqaf.
Il-karozza bil-missier ta 49 sena mill-Imtarfa u ż-żewġt itfal baqgħet titkaxkar għal diversi metri u laqtet karozza li kien hemm quddiemha misjuqa minn mara ta’ 35 sena mill-Mellieħa.
Diversi sorsi spjegaw li f’dak il-ħin, karozza misjuqa minn turisti kienet tiela’ wrong way min-naħa ta’ Popeye’s Village.
Dalgħodu, l-istudenti li qedgħin fl-istess sena ta’ din it-tifla ingħataw l-aħbar bl-għajnuna ta’ staff imħarreġ apposta. Net News hu infurmat illi llum kellu jsir kunċert imtella’ minn dawn it-tfal, liema kunċert tħassar.
