Matul l-2018 f’pajjiżna ġiet identifikata tfajla Maltija, li hija minorenni, li kienet vittma tat-traffikar uman għall-isfruttar tas-sess.
Dan tħabbar f’rapport annwali maħruġ mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan, li jagħmel evalwazzjoni tat-traffikar tal-bnedmin madwar id-dinja, fejn wera l-ewwel każ ta’ dan it-tip fil-Gżejjer Maltin. Ir-rapport indika wkoll li l-Awtoritajiet konċernati taw l-appoġġ immedjat u speċjalizzat lil din il-vittma taħt l-età.
Fir-rapport ġie indikat li pajjiżna għadu ma laħaqx l-istandards minimi għall-eliminazzjoni tat-traffikar tal-bniedem.
B’reazzjoni għar-rapport, il-Gvern ħabbar li bħala parti mill-isforzi kontinwi tiegħu kontra t-traffikar uman, dalwaqt se jibda konsultazzjoni dwar il-ħwienet tal-messaġġi li joffru servizzi sesswali. Dan filwaqt li ġew elenkati tlett investigazzjonijiet imwettqa mill-Pulizija Maltija matul is-sena li għaddiet kontra t-traffikar uman – waqt li matul l-2017 il-ħidma kienet issoktat fuq 7 każi oħra.

Fir-rapport intqal ukoll li sitt snin u nofs f’Malta traffikant wieħed biss instab ħati fil-qrati u ngħata sempliċiment sentenza sospiża ta’ priġunerija.
Għaldaqstant ġie rrakkomandat li l-awtoritajiet Maltin għandhom jinvestigaw u jieħdu passi konkreti kontra min iwettaq reati ta’ traffikar b’sentenzi definittivi ta’ priġunerija. Ingħad ukoll li għandhom jittieħdu inizjattivi ċari sabiex jiġu identifikati l-vittmi tat-traffikar fost il-barranin vulnerabbli, u li jissaħħaħ il-kontroll fuq il-ħwienet tal-massaġġi madwar il-Gżejjer Maltin.
B’reazzjoni għal dan kollu Is-Segretarjat Parlamentari għar-riformi u s-simplifikazjoni mmexxi minn Julia Farrugia Portelli fi stqarrija spjega li ħa nota tar-rapport u tħabbar li fix-xhur li ġejjin se tinbeda konsultazzjoni dwar il-ħwienet li joffru dan it-tip ta’ servizz li ma jixraq lil ħadd.
//= $special ?>
