Wara kważi ġimagħtejn ta’ spekulazzjoni, l-istewards tkellmu għall-aħħar darba u ddeċidew li jċaħħdu t-talba ta’ Ferrari għad-dritt li tiġi riveduta d-deċiżjoni tal-penalità li kkastigat lil Sebastian Vettel mir-rebħa fil-Grand Prix tal-Kanada.
Vettel temm it-tellieqa f’Montreal fl-ewwel post, iżda l-ħames sekondi penalità li ngħata, fissru li Lewis Hamilton rebaħ il-Grand Prix. Il-Ġermaniż ingħata l-penalità wara li ġie ġġudikat li daħal lura fiċ-ċirkwit b’mod mhux sigur u sforza lil Hamilton barra ċ-ċirkwit.
Wara li ddeċidew li ma jappellawx kontra d-deċiżjoni, Ferrari għamlu rikjesta għal dritt li jaraw l-azzjoni permezz tal-Kodiċi Sportivi Internazzjonali tal-FIA, li tippermetti l-kompetituri li tippreżenta evidenza ġdida mhux għad-dispożizzjoni qabel tmiem il-Grand Prix.
Wara sigħat, l-istewards ħarġu stqarrija fejn qalu li ma kienx hemm elementi sinifikanti u relevanti li ma kinux għad-dispożizzjoni fil-ħin konċernat tat-tellieqa. Ferrari preżentaw seba’ biċċiet ta’ evidenza fosthom diversi xeni ta’ kameras, analiżi tal-filmati ta’ wara t-tellieqa u stqarrija ta’ xhud ta’ Vettel.
Minn dawn is-seba’ partijiet ta’ evidenza, l-istewards qalu li l-parti tal-analiżi minn Karun Chandok ta’ Sky Sports wara t-tellieqa kienet ġdid iżda mhux sinifikanti u relevanti għaliex kienet opinjoni personali minn terza persuna.
//= $special ?>