Anke jekk ikun għadu fil-ġuf, il-fetu hu meqjus bħala bniedem. Għaldaqstant, prattiċi negliġibbli li jwasslu għall-mewt tal-fetu ma jfissirx abort, iżda qtil b’mod abbużiv.
Din kienet id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Taljana meta kkonfermat sentenza ta’ sena u disa’ xhur priġunerija fil-konfront ta’ midwife li ma segwietx sew it-taħbit tal-qalb ta’ fetu waqt li omm kienet qed twelled. Għalhekk, hi ddeċidet li tagħtiha mediċina biex iżidilha l-kontrazzjonijiet.
Fil-Qorti kien sar magħruf li l-midwife ippruvat isserraħ ras il-ġinegologu li kollox kien għaddej sew, iżda t-tarbija twieldet bla ħajja, bl-awtopsja turi li l-kawża kienet konġestjoni fl-organi, fost l-oħrajn. Il-midwife appellat għall-ewwel sentenza għax qalet li għandha tingħata piena daqslikieku wettqet abort, li hi anqas minn ta’ qtil b’mod abbużiv.
Il-Qorti nnutat li kieku l-monitoraġġ mill-midwife sar kif suppost, it-tarbija setgħet ġiet salvata bl-operazzjoni ċesarja. Tenniet li l-ħajja m’għandhiex tkun diskriminata bi kwalunkwe mod, iżda għandha tkun protetta mill-konċepiment sal-mewt naturali.
Dan filwaqt li għandu jkun assigurat “vjaġġ sigur” għall-fetu waqt il-proċess kollu tat-twelid.
//= $special ?>