Futbol Sport

Torres iħabbar li se jirtira

Wara karriera ta’ 18-il sena, Fernando Torres ħabbar li se jirtira mill-futbol milgħub fl-età ta’ 35 sena. L-Ispanjol bħalissa qed jilgħab fil-Ġappun ma’ Sagan Tosu u ħabbar li se jieqaf fuq il-media soċjali. Hu se jorganizza konferenza stampa l-Ħadd li ġej fl-10.00am ħin tal-Ġappun fejn se jagħti d-dettalji kollha. Torres ingħaqad ma’ Sagan Tosu f’Lulju tas-sena l-oħra wara li ħalla lil Atletico Madrid għat-tieni darba u skorja erba’ gowls biss fi 32 logħba.

Torres beda l-karriera fis-settur taż-żgħażagħ ta’ Atletico Madrid u għamel id-debutt f’Marzu tal-2001. L-ewwel gowl tiegħu wasal ġimgħa wara u għen lit-tim tiegħu biex jikseb il-promozzjoni f’La Liga fl-istaġun ta’ wara. Hu sar wieħed mill-aktar attakkanti prolifiċi fi Spanja u kien l-aqwa skorer tagħhom għal ħames staġuni konsekuttivi.

L-Ispanjol ħalla pajjiżu għall-ewwel darba fl-2007 meta ngħaqad ma’ Liverpool. Minkejja li ma rebaħ l-ebda unur, Torres kien suċċess b’81 gowl skorjat f’142 logħba, qabel fl-aħħar ġurnata tas-suq ta’ Jannar tal-2011 ingħaqad ma’ Chelsea.

Hu ma kellux l-istess rendiment mat-tim minn Londra u fil-kumplament tal-istaġun skorja biss darba fi 18-il logħba. Minkejja li anki tilef postu regolari, Torres rebaħ l-FA Cup u ċ-Champions League fl-2012 u l-Europa League staġun wara. Ma’ Chelsea hu skorja 45 gowl f’172 logħba u fl-2014 lagħab għal erba’ xhur ma’ Milan. Hu rritorna ma’ Atletico Madrid u kien parti mit-tim li tilef il-finali tal-UEFA Champions League fl-2016 iżda rebaħ it-tieni Europa League fl-2018, li kienet l-aħħar logħba tiegħu mal-klabb qabel ingħaqad ma’ Sagan Tosu.

Torres kellu karriera mill-aqwa mat-tim nazzjonali Spanjol. Hu t-tielet l-aqwa skorer ta’ Spanja bi 38 gowl minn 110 logħbiet. L-attakkant lagħab sitt tournament maġġuri u kien parti importanti mit-tim Spanjol li rebaħ il-Kampjonat Ewropew fl-2008 u fl-2012 kif ukoll it-Tazza tad-Dinja fl-2010.