Raġel ta’ 27 sena sofra ġrieħi ta’ natura gravi wara li seħħet ħabta bejn żewġ opri tal-baħar bejn Kemmuna u l-port tal-Imġarr, Għawdex. L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal-għaxra u kwart.
Minn stħarriġ preliminari li sar mill-Pulizija tad-Distrett irriżulta li seħħ impatt bejn dgħajsa misjuqa minn raġel ta’ 27 sena mill-Maċedonja residenti ż-Żebbuġ, Għawdex u dgħajsa misjuqa minn raġel ta’ 48 sena residenti n-Naxxar u li flimkien miegħu kien hemm mara ta’ 35 sena residenti n-Naxxar ukoll.
Ir-raġel ta’ 27 sena ttieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie iċċeritifkat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi. Iż-żewġ persuni l-oħra ma sofrew l-ebda ġrieħi.
Bil-każ ġie nfurmat il-Magistrat tal-Għassa Paul Coppini li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-Inkjesta li ġiet appuntata. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>