Ambjent Lokali

BirdLife Malta mnikkta bin-nirien li qed jaħkmu l-masġar fil-Miżieb

Se toffri l-għajnuna kollha possibbli għar-riġenerazzjoni ta’ dan il-ħabitat importanti

BirdLife Malta tinsab imnikkta bl-aħbar dwar in-nirien li ilhom mis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu jaħkmu l-masġar tal-Miżieb. Minbarra l-fatt li l-Miżieb hu wieħed mill-ftit postijiet b’popolazzjoni densa ta’ siġar f’pajjiżna, iservi wkoll bħala post ta’ mistrieħ għal diversi għasafar matul il-passa, u huwa sit popolari mal-pubbliku li jżuru għar-rikreazzzjoni.

BirdLife Malta diġà kitbet lill-Ministru għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima u lil Ambjent Malta biex toffri l-għajnuna tagħha filproċess ta’ riġenerazzjoni taz-zona. “Qed nittamaw li l-ħsarat mhumiex estensivi daqs kemm wieħed jistenna wara li jara l-filmati ta’ dak li ġara llum. Se nkunu qed infittxu l-aħjar mod kif naħdmu mill-qrib mal-entitajiet rispettivi biex ngħinu ħalli dawn l-inħawi jerġgħu jinġiebu fl-istat naturali li kienu kemm jista’ jkun malajr,” sostna l-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana.

BirdLife Malta tinsisti wkoll li zoni bħal dawn ikollhom pjani li jilqgħu għal inċidenti bħal dawn bl-iskop li jitnaqqsu kemm jista’ jkun id-danni. Huwa kruċjali li fil-każ ta’ postijiet bħal dawn ikun hemm l-elementi kollha f’posthom għal dan il-għan fosthom l-infrastruttura adegwata għall-aċċess għall-ilma imma wkoll li jsiru kampanji edukattivi u ta’ taħriġ, u li jkun hemm livell ta’ tmexxija u kontroll. Dan l-aħħar BirdLife Malta, flimkien ma’ numru ta’ msieħba oħrajn, ipparteċipat fit-tfassil ta’ pjan simili għall-Buskett li kien ikkoordinat minn Ambjent Malta.

Fl-aħħar nett, nirringrazzjaw lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għallisforzi kollha li qed jagħmel biex jikkontrolla n-nirien fil-Miżieb.