Rapporti fil-media Taljana qed jgħidu li d-difensur ta’ Ajax Matthijs de Ligt se jingħaqad ma’ Juventus f’dan is-sajf. Juventus għandhom sfida minn fost l-aqwa timijiet fl-Ewropa fosthom Paris Saint-Germain u Barcelona biex jakkwistaw lid-difensur u jingħad li għadhom iridu jilħqu ftehim personali mal-aġent tiegħu Mino Raiola.
Jidher li s-salarju li qed jintalab għal De Ligt hu ta’ madwar €13-il miljun li jfisser li jekk jingħaqad maċ-champions Taljani b’dan is-salarju, l-Olandiż ikun it-tieni l-aktar plejer imħallas fil-klabb wara Cristiano Ronaldo. Hu mifhum li t-trasferiment mistenni jiswa lil Juventus madwar €70 miljun.
De Ligt hu wieħed mill-aktar plejers promettenti fl-Ewropa kollha u minkejja l-età tiegħu, mexxa lil Ajax bħala captain għal doppjetta domestika kif ukoll sas-semifinali tal-UEFA Champions League. Iż-żagħżugħ kien qal li jrid jieħu deċiżjoni fuq il-futur wara l-UEFA Nations League.
Iżda skont Sky Italia, De Ligt ħa d-deċiżjoni li jingħaqad ma’ Juventus. Jekk dan iseħħ hu jista’ jsir l-ewwel akkwist ta’ Maurizio Sarri kemm ilu li sar kowċ ta’ Juventus. Id-difensur kien stqarr li kellmu Cristiano Ronaldo wara l-finali tal-UEFA Nations League aktar kmieni dan ix-xahar.
//= $special ?>