Sport

Futur inċert għal Juan Martin del Potro

(Ritratt: EPA)

Il-futur ta’ Juan Martin del Potro jinsab inċert wara li reġa’ weġġa’ l-irkoppa fi Queen’s. L-Arġentin weġġa’ l-Erbgħa li għadda meta l-eks rebbieħ tal-Open tal-Istati Uniti żelaq fir-rebħa li kellu fuq Denis Shapovalov u kien kostrett li jirtira mit-tournament.

Is-sid numru 12 tad-dinja se jitlef Wimbledon tax-xahar id-dieħel wara li kiser il-patella tal-lemin, l-istess injury li sfurzatu jitlef l-aħħar erba’ ġimgħat tas-sena l-oħra filwaqt li tilef ħames tournaments din is-sena.

“Jekk dik kinitx l-aħħar logħba tal-karriera għadni ma nafx.  Waqt ir-rijabilitazzjoni nkun nista’ naħseb aħjar u nkun naf x’ġismi x’jista’ jagħmel. Wara studji mediċi u diskussjonijiet mat-tobba, qaluli li l-operazzjoni hi l-aħjar trattament.”

Fuq instagram kompla jgħid li kif wieħed jista’ jimmaġina hu mument iebes u saħaq li ma stenna qatt li se jerġa’ jgħaddi minn dan il-proċess kollu. It-tennist ta’ 30 sena qal li ma jafx x’se jiġri fil-futur u jittama li jista’ jirkupra tajjeb.

Minn meta rebaħ l-Open tal-Istati Uniti fl-2009, Del Potro għamel tliet operazzjonijiet fil-polz tax-xellug u oħra fil-polz tal-lemin iżda kull darba reġa’ ssielet biex irritorna.