Futbol Sport

Il-Brażil u l-Venezwela jgħaddu mal-aħħar tmienja tal-Copa America

(Ritratt: EPA)

Il-Brażil assigurat postha mal-aħħar tmienja b’rebħa kbira ta’ 5-0 fuq il-Perù fl-aħħar logħba tal-grupp. Huma kellhom bżonn 12-il minuta biex marru minn fuq b’daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Casemiro, b’Roberto Firmino jirdoppja l-iskor seba’ minuti wara meta ħa vantaġġ minn żball kbir tal-gowlkiper Pedro Gallese.

L-iskor sar 3-0 fit-32 minuta b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa ta’ Everton u l-veteran Dani Alves għamilhom erbgħa fit-53 minuta f’azzjoni maħduma tajba li fiha spiċċa b’xutt b’saħħtu fis-saqaf tax-xibka. Willian ssiġilla r-rebħa fid-90 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa u saħansitra l-Brażiljani setgħu skorjaw ieħor fl-94 minuta iżda Gabriel Jesus ra l-penalty ikun salvat minn Gallese.

Il-Venezwela skorjat l-ewwel gowls tagħha li fissru kwalifikazzjoni mal-aħħar tmienja, hekk kif rebħu kontra l-Bolivja 3-1. Darwin Machis fetaħ l-iskor wara biss żewġ minuti b’daqqa ta’ ras b’saħħitha, bl-istess plejer jirdoppja fil-55 minuta.

Il-Bolivja daħlet fil-logħba fit-82 minuta permezz ta’ Leonel Justiniano li għeleb lill-gowlkiper avversarju b’xutt minn barra l-kaxxa, iżda l-Venezwela għalqet il-logħba erba’ minuti wara b’daqqa ta’ ras ta’ Josef Martinez.