Sport

Il-judoka Saywell megħlub mal-aħħar 32 kontra Georgii Zantaraia li spiċċa rebbieħ tal-kategorija ta’ taħt is-66 kilo

Mikaela Galea b’50 plattina wara tliet rawnds

Fl-ewwel ġurnata tal-Logħob Ewropew f’Minsk, fil-judo Jeremy Saywell ikkompeta fil-kategorija ta’ taħt is-66 kilo. Hu kien megħlub fil-fażi tal-aħħar 32 meta sfortunatament tela’ fil-polza kontra l-Ukren Georgii Zantaraia li saħansitra spiċċa biex rebaħ il-kategorija ta’ taħt is-66 kilo.

Għalkemm sofra wazari wara 23 sekonda, Saywell kellu prestazzjoni sodisfaċenti kontra avversarju ferm aħjar minnu u prova attakk li kważi kien suċċess sakemm sofra ippon kważi minuta mill-ftuħ. Zantaraia li għandu 31 sena, hu judoka ta’ kwalità tant li bħalissa jinsab fid-disa’ post fir-rankings tad-dinja ta’ taħt is-66 kilo. F’Settembru li għadda l-Ukren spiċċa fit-tielet post fil-Kampjonat tad-Dinja.

Fl-isparar, Mikaela Galea għalqet l-ewwel tliet rawnd fid-29 post fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni tat-trap. Galea laqtet 16, 18 u 16-il plattina, b’25 plattina kull rawnd għal total ta’ 50 plattina. Iż-żewġ rawnds l-oħra ta’ kwalifikazzjoni jsiru għada filgħodu iżda hu prattikament impossibbli li tgħaddi għall-finali minħabba li l-ewwel sitta laqtu bejn 67 u 70 plattina.

Għada jidħol fl-azzjoni wkoll iċ-ċiklist Alexander Smyth li f’12.00pm ikun impenjat fit-tellieqa tat-triq li hi twila 180 kilometru.