Lokali

Il-Kunsillier Anthony Mifsud jikkonferma postu bħala President tar-Reġjun Tramuntana

Il-Kunsillier tal-Imtarfa f’isem il-Partit Nazzjonalista Anthony Mifsud informa lid-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali li qiegħed jirrinunzja l-kariga ta’ Kunsillier għal-lokalità tal-Imtarfa, li fiha ġie elett nhar is-Sibt 25 ta’ Mejju 2019, u għalhekk mhux se jkun qed jassumi l-irwol ta’ kunsillier matul il-leġislatura li tibda nhar l-1 ta’ Lulju 2019.

Dan il-pass qiegħed isir sabiex l-istess Anthony Mifsud li ilu jservi fil-kariga ta’ President tal-Kunsill Reġjonali Tramuntana jkompli bil-ħidma tiegħu f’din il-kariga.

Anthony Mifsud kien kostrett li jieħu dan il-pass għaliex fl-aħħar emendi li saru fil-Liġi tal-Kunsilli Lokali (Kap 363) daħal fis-seħħ artiklu li jgħid li ebda President ta’ Reġjun ma jistax jokkupa kariga f’Kunsill Lokali.

Anthony Mifsud irringrazzja lill-membri tal-Kunsill tal-Imtarfa li tul is-snin ħadem magħhom kemm bħala Sindku, minority leader kif ukoll bħala kunsillier. Huwa rringrazzja ukoll b’mod speċjali lir-residenti kollha tal-Imtarfa li f’elezzjoni wara oħra eleġġewh sabiex ikun il-vuċi tagħhom fid-deċiżjonijiet tal-lokalità. Huwa wiegħed li anke minn barra l-Kunsill, se jara li jibqa’ jkun il-vuċi tar-residenti tal-Imtarfa u dan se jagħmlu b’lealtà assoluta lejn il-lokalità u l-istess residenti. Anthony Mifsud ikkonferma ukoll li se jkompli jaħdem fil-Partit Nazzjonalista kif dejjem għamel. 

Il-Partit Nazzjonalista wkoll irringrazzja lil Anthony Mifsud għall-kontribut li ta’ f’diversi karigi fil-Kunsill Lokali tal-Imtarfa u awguralu iktar suċċess fil-Kunsill Reġjonali u iktar ħidma b’risq il-Partit Nazzjonalista.