Lokali

Il-PN jappella sabiex il-Gvern iħares lejn l-interessi taċ-ċittadin

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista f’isem il-membri parlamentari Marthese Portelli, Claudette Buttigieg u Toni Bezzina – għamel ir-reazzjoni tiegħu dwar il-konsultazzjoni pubblika li wettaq il-Gvern b’rabta mal-evitar ta’ ħsara lill-propjetà ta’ terzi persuni.

Dawn huma l-punti segwenti:


A.Perjodu tal-Konsultazzjoni Pubbliku Qasir u Mgħaġġel:

  • Filwaqt illi wieħed jirrikonoxxi s-sensitività u l-urġenza tal-materja in kwistjoni, il-PN jħoss illi tali materja kellha tingħata l-importanza neċessarja ferm qabel. Il-fatt illi tħalliet on the back burner u konsegwentament ir-riskji eskalaw b’mod eżorbitanti, wassal biex il-konsultazzjoni pubbliku ġiet ristretta għal ħamest’ijiem biss.
  • Napprezzaw il-fatt illi l-istakeholders kollha għamlu l-almu tagħhom biex f’qasir żmien jagħtu lura l-ahjar feedback tagħhom. Però materja serja bħal din titlob maturità akbar u attenzjoni iktar f’waqtha mill-Gvern sabiex l-iskop wara l-emendi proposti jilħqu l-għan tagħhom, u ċioè li jkun hawn protezzjoni preventiva lill-terzi persuni u sabiex terzi persuni ma jgħixux fil-biża.

B.Konsultazzjoni Pubblika Fragmentata flok Waħda Ħolistika:

  • Hemm diversi liġijiet u regolament illi jirregolaw u li għandhom effett dirett fuq proġett ta’ kostruzzjoni mill-bidunett, u ċioè mill-mument li s-sid jiddeċiedi illi jixtieq jagħmel proġett sal-mument li jitlesta u jiġi ċertifkat komplut.
  • Dawn il-liġijiet u regolament huma relatati (i) mal-mod ta’ kif isiru x-xogħlijiet, (ii) il-proċeduri illi jiġu attwati, (iii) il-materjal illi jintuża, (iv) iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa, (v) id-dokumenti meħtieġa, (vi) it-training, kif ukoll (vii) ir-responsabbiltà u l-obbligi tal-partijiet diversi.
  • Il-Gvern għażel li jagħmel proċess ta’ konsultazzjoni pubbliku illi tindirizza biss waħda minn tant liġijiet. Filwaqt illi wieħed japprezza illi l-materja ta’ din il-liġi hija materja importanti, wieħed jinnota ukoll illi hemm diversi liġijiet oħra illi għandhom impatt u relazzjoni diretta ma’ din il-liġi, u allura kien ikun ferm aħjar li kieku l-konsultazzjoni pubblika saret b’mod ħolistiku flok b’mod fragmentat. Dan sabiex jiġu evitati kunflitti bejn liġi u oħra, u sabiex jiġi mfassal l-aħjar qafas.
  • Fost affarijiet oħra, għandu jiġi assigurat illi d-definizzjonijiet tad-diversi rwoli identifikati f’dan l-avviż legali huma konformi ma diversi liġijiet avviżi legali oħra li jirregolaw l-industrija tal-bini kif wkoll lil kull min jipprovdi servizz lil din l-industrija.

C.Nuqqas ta’ Osservar ta’ Proċeduri u Nuqqas ta’ Infurzar

  • Mill-konsultazzjoni li għamel il-PN ma’ diversi għaqdiet, entitajiet, awtoritajiet u anke ma’nies mill-pubbliku, jirriżulta li waħda mill-affarijiet illi għandha tiġi indirizzata minnufih hija n-nuqqas ta’ infurzar. Tali nuqqas ta’ infurzar qed iwassal għal aktar abbuż u għall-inosservanza ta’ proceduri u good practices. Attitudni ta’ laissez-faire mhi tajba għal ħadd, u hi responsabbiltà assoluta tal-Gvern illi jara li tali attitudni ma tippersistiex. Mingħajr infurzar adegwat, propju u f’ħinu, l-liġi tibqa’ biss fuq il-karta.

D.Nuqqas ta’ Reġistru ta’ Kuntratturi

  • B’ mod immedjat, għandu jiġi mfassal Reġistru ta’ Kuntratturi li jipprovdu servizzi relatati mal-industrija tal-kostruzzjoni.
  • Dan ir-Reġistru għandu jkun mfassal b’tali mod illi bl-iktar mod ċar jelenka x’inhu mistenni minn kull Kuntrattur sabiex ikun jista’ jifforma parti minn dan ir-Reġistru – (i) il-kriterji sabiex jikkwalifikaw bħala tali, (ii) iċ-ċertifikati meħtieġa, (iii) it-training neċessarju etc. Tali Reġistru għandu jikklassifika wkoll (iv) is-servizzi illi jistgħu joffru, (v) il-kompetenza tal-Kuntratturi u (vi) l-ħiliet tagħhom.

E.Taħriġ Adegwat

  • L-industrija għandha timxi lejn taħriġ ta’ livell għoli. Għandu jkun hemm taħriġ kontinw u adegwat lil kull min hu involut f’dan is-settur. Irid isir reġistrar, liċenzjar u ċertifikazzjoni tal-persuni li jipprovdu servizzi relatati mal-industrija tal-kostruzzjoni;
  • Preżentament teżisti diskrepanzi fil-livelli ta’ taħriġ illi jesiġu awtoritajiet u entitajiet fi ħdan l-istess Gvern. Filwaqt li hemm min qed jinsisti għal accredited training hemm oħrajn illi qed jinsistu illi attendance training hu biżżejjed. Hemm differenza kbira bejn dawn it-tipi ta’ training. Filwaqt illi accredited training huwa ggwidat minn l-NCFHE, attendance training huwa ta’ livell ferm inqas. Bil-pass imgħaġġel illi miexja bih l-industrija u bil-work environments preżenti jkun għaqli illi wieħed jinsisti fuq accredited training.

F.Assigurazzjoni dwar Kompetenzi

  • Għandu jiġi assigurat illi kull min hu involut fl-industrija tal-kostruzzjoni għandu jkollu il-ħiliet u liċenzji kollha neċessarji biex jagħmel ix-xogħol meħtieġ.

G.Saħħa u Sigurtà fuq is-Siti tal-Kostruzzjoni

  • Hemm bżonn iktar għarfien u infurzar dwar is-saħħa u s-sigurtà. Il-Gvern għandu b’mod immedjat jinvesti iktar fl-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol kemm ai termini ta’ (i) budget, (ii) ħaddiema illi għandhom għarfien tajjeb tas-settur, u (iii) għodda, inkluż l-użu ta’ teknoloġija avvanzata, sabiex l-Awtorità tkun tista’ żżid l-għarfien dwar l-importanta tas-saħħa u s-sigurtà kif ukoll sabiex l-Awtorità tkun tista’ tinforza b’mod effettiv u ħolistiku.

H.Tisħiħ tal-Building Regulations Office

  • Sakemm titwaqqaf u tibda tiffunzjona l-Awtorita’ tal-Bini u l-Kostruzzjoni, l-Gvern għandu jinvesti wkoll fil-Building Regulations Office billi jiżdiedu kemm ir-riżorzi umani kif wkoll il-faċilitajiet biex ikun hemm l-infurzar kollu neċessarju.

I.Min jista’ jkun manager tas-sit

  • Skond l-Avviż Legali illi qed jiġi propost, il-manager tas-sit għandha tkun kwalifikata bħala perit jew persuna li fil-fehma tal-perit tal-proġett tkun kapaċi twettaq l-obbligi mistennija minnha, u fl-assenza tal-ħatra ta’ tali persuna, l-perit responsabbli mill-progett huwa ipso iure meqjus bħala tali.
  • L-ewwelnett wieħed jinnota li l-liġi ma tipprovdiex għall-eventwalità li jkun hemm kunflitt bejn dak li qed jgħid il-perit tal-proġett u dak li qed jgħid il-perit li hu manager tas-sit. X’jiġri f’dawn il-każijiet?
  • It-tieni, wieħed għandu jevalwa l-opportunità li l-persuni illi jistgħu jagħtu s-servizz ta’ manager tas-sit titwessa filwaqt li jkompli jiġi salvagwardjati l-interessi tal-pubbliku u ta’ dawk kollha nvoluti. Qed jiġi propost illi jittieħdu wkoll in konsiderazzjoni (i) gradwati b’First Degree mill-Università mill-Fakultà tal-Periti, (ii) Gradwati mill-Università bħala Construction Engineers, (iii) Persuni illi jissodisfaw il-kriterji meħtieġa ta’ managers tas-sit u li għandhom l-esperjenza neċessarja, (iv) Persuni illi skond l-EU Services Directives jikkwalifikaw bhala Manager tas-Sit. Dan l-aspett huwa ferm important speċjalment in vista tas-supply and demand tas-suq preżenti.
  • Importanti illi f’dan l-istadju, l-Gvern għandu jikkonsulta mal-industrija, mal-Università ta’ Malta u mal-MCAST biex jaraw xi kwalifiki/rekwiżiti huma neċessarji biex persuni jkunu jistgħu jieħdu lir-rwol ta’ manager tas-sit fuq siti tal-kostruzzjoni.
  • B’mod immedjat, għandhom ukoll jiġu mfassla korsijiet ta’ studju speċifiċi għal professjoni ta’ manager tas-sit.

J.Servizz Ġeoloġiku

  • Filwaqt li wieħed irid jirrikonoxxi li huwa għaqli li l-avviz legali in kwistjoni qed jipproponi l-introduzzjoni tal-geotechnical design report kif ukoll l-appraisal strutturali.
  • Huwa ukoll ferm importanti illi l-Geographical Survey ta’ Malta jinżamm aġġornat u dettaljat minħabba l-fatt illi dan iservi ta’ bażi li fost affarijiet oħra jikkataloga r-riżorsi naturali, l-minerali u l-proċessi tan-natura (earth processes) tal-gżejjer Maltin.

K.Appoġġ lil Terzi Milquta

  • Għandu jinħoloq qafas fejn individwi milquta minn inċidenti relatati mas-siti ta’ kostruzzjoni jingħataw l-għajnuna kollha neċessarja, kemm dik psikoloġika kif ukoll dik materjali, b’mod immedjat u mhux jitħallew għal rihom.

L.L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni

  • Importanti li l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni titwaqqaf u tibda tiffunzjona b’mod tajjeb u effettiv mingħajr dewmien żejjed.
  • Importanti illi fuq din l-Awtorità jkun hemm ukoll rappreżentanti taċ-ċittadini biex ikun żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati.

M.Għaldaqstant il-PN jappella lill-Gvern:

  • Biex ikun iktar proattiv biex iċ-ċittadin ikollu livell u kwalità ta’ ħajja aħjar
  • Biex jiġu mħarsa l-interessi ta’ kulħadd, u mhux l-inqas dawk taċ-ċittadin
  • Biex jirreaġixxi għall-bżonnijiet kollha tal-industrija tal-bini b’mod u jara li r-regolamenti u l-proċeduri li se jiddaħlu, jkunu magħmula b’mod serju, kkordinat u ħolistiku b’tali mod li filwaqt li l-industrija tal-kostruzzjoni tibqa’ tiffunzjona, tiġi salvagwardjata l-hajja ta’ kuljum kemm tar-residenti kif wkoll ta’ diversi ħaddiema li jaħdmu fuq siti ta’ kostruzzjoni.
  • Il-Partit Nazzjonalista jirriserva d-dritt li jressaq aktar suġġerimenti u proposti fil-futur qarib.