Futbol Sport

Inter jilħqu ftehim ma’ Sassuolo għal Sensi

(Ritratt: Alessandro Sabattini/Getty Images)

Inter mistennija jagħmlu l-ewwel akkwist tagħhom f’dan is-sajf hekk kif laħqu ftehim ma’ Sassuolo biex jakkwistaw lil Stefano Sensi. Huma se jakkwistaw lil Sensi għal somma komplessiva ta’ €30 miljun li tinkludi €5 miljun b’self u dritt li jakkwistawh għal €25 miljun, trasferiment simili bħal dak ta’ Matteo Politano staġun ilu u li issa ġie akkwistat ftit jiem ilu.

Il-midfielder Taljan kien imfittex ukoll minn Milan, biż-żagħżugħ Edoardo Vergani se jkun qed jingħaqad ma’ Sassuolo b’mod permanenti. Sensi se jiffirma kuntratt ta’ ħames snin b’salarju ta’ €1.8 miljun kull staġun. Dan l-akkwist ma jidhirx li se jeskludi l-interess f’Nicolo Barella ta’ Cagliari.

Sensi li għandu 23 sena, lagħab dawn l-aħħar tliet staġuni ma’ Sassuolo u fl-istaġun li għadda kien plejer importanti fit-tim immexxi minn Roberto De Zerbi. Hu ġibed ukoll l-attenzjoni tal-kowċ nazzjonali Taljan Roberto Mancini tant li ssejjaħ u għamel id-debutt b’gowl f’Marzu li għadda.

Tags