Lokali Qorti

Jisraq karozza għax spiċċa bla flus

Raġel ta’ 30 sena minn San Ġwann, tressaq il-Qorti s-Sibt wara nofsinhar hekk kif kien akkużat li fost l-oħrajn seraq karozza. Clifford Gareth għamel dan wara li spiċċa mingħajr flus biex jasal id-dar minħabba problema li għandu bi droga sintetika.

Huwa kien akkużat ukoll li b’din l-istess karozza prova jsuq fuq pulizija fil-Floriana wara li ġie mwaqqaf mill-istess Pulizija.

L-avukat difensur, Simon Micallef Stafrace, saħaq li filwaqt li Gareth wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, l-akkużat huwa konxju mill-problema li għandu u qed juri r-rieda li jirċievi t-trattament li hemm bżonn.

Il-Prosekuzzjoni li tmexxiet mill-ispettur Wayne Camilleri qablet mad-difiża li l-akkużat għandu jingħata t-trattament meħtieġ.

Clifford Gareth inżamm taħt arrest hekk kif is-sentenza mistennija tingħata nhar it-Tnejn li ġej.