Futbol Sport

L-Italja tirbaħ iżda mhix ċerta mill-kwalifikazzjoni

(Ritratt: EPA)

Prestazzjoni pożittiva mill-Italja ma kinitx biżżejjed biex taċċertahom mill-kwalifikazzjoni diretta għas-semifinali hekk kif ir-rebħa kbira ta’ Spanja fissret li huma l-Ispanjoli li spiċċaw rebbieħa tal-grupp. Kemm Spanja, l-Italja u l-Polonja spiċċaw il-grupp b’sitt punti. Ir-rebbieħa tat-tliet gruppi jgħaddu direttament mal-aħħar tmienja, bit-tim l-ieħor ikun determinat minn dak li jkun kiseb l-aħjar riżultati minn dawk li jtemmu t-tieni.

L-Italja fetħet l-iskor ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima b’xutt b’saħħtu għar-rokna ta’ Nicolo Barella, bl-attakkant Patrick Cutrone jirdoppja fit-53 minuta b’daqqa ta’ preċiża tipika ta’ attakkant. Il-Belġju naqqset id-distakk fid-79 minuta b’xutt b’saħħtu ta’ Yari Verschaeren li ma tax ċans lil Alex Meret. Iżda Federico Chiesa skorja gowl li jista’ jkun importanti fid-89 minuta b’xutt b’saħħtu għar-rokna ta’ fuq, gowl li kien kofnermat bil-VAR.

Fil-logħba l-oħra, Spanja ġabet fix-xejna lill-Polonja b’rebħa kbira ta’ 5-0 biex wara żewġ rebħiet konsekuttivi, il-Polonja kienet eliminata xorta. Pablo Fornals kompla għal ġewwa mill-viċin fis-17-il minuta biex fetaħ l-iskor, b’Mike Oyarzabal u Fabian jiskorjaw fil-35 u d-39 minuta rispettivament. Daniel Ceballos għamilhom erbgħa fil-71 minuta bi free-kick mill-isbaħ u Borya Mayoral skorja l-ħames gowl fid-90 minuta.