Lokali

“Is-sigurtà tan-nies trid tiġi l-ewwel u qabel kollox” – il-Kamra tal-Periti

Waqt Laqgħa Ġenerali Straordinarja li saret fil-21 ta’ Ġunju 2019, u li għaliha attendew madwar 400 Perit, kien maqbul b’mod unanimu li s-sigurta’ tan-nies trid tiġi l-ewwel, u li jridu jittieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex tiġi assigurata s-sigurta’ tan-nies fi djarhom, u l-kwalita’ tal-ħajja tagħhom, tkun l-ogħla priorita’ ta’ dawk kollha involuti fis-settur tal-kostruzzjoni, inklużi ir-regolaturi rispettivi.

Fi stqarrija, il-Kamra tal-Periti qalet li ma jistax ikun hemm iktar dewmien sabiex il-Gvern jindirizza b’mod serju l-problemi li l-industrija tal-kostruzzjoni qiegħda tħabbat wiċċha magħhom, u dan mhux b’mod spezzettat bħal ma hi l-pubblikazzjoni ta’ Avviż Legali b’mod mgħaġġel u li ma jagħmel xejn biex jassigura s-sigurta’ tan-nies, iżda sservi biex biex tħawwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet fuq is-siti tal-kostruzzjoni.

B’mod partikolari, l-Laqgħa għamlet enfażi fuq il-Kodiċi Ċivili ta’ Malta li tindika li hemm żewġ figuri li huma responsabbli għal xogħol ta’ kostruzzjoni, li huma l-Perit u l-Kuntrattur. Għalhekk, l-irwol tas-Site Manager kif kontemplat fl-Avviż Legali, jista’ biss ikun parti mill-qafas tal-Kuntrattur, għaliex hu l-Kuntrattur li, skond il-liġi, irid jifhem u jsegwi l-istruzzjonijiet tal-Perit, u jkun kapaċi jifhem is-sinifikat ta’ tali struzzjonijiet.

Il-Kuntratti jista’ jimpjega jew iqabbad persuni li jifhmu f’dawn l-aspetti, inklużi professjonisti tekniċi, sabiex jieħdu kontroll tas-sit, u li jistgħu jgħinu lill-Kuntrattur u l-impjegati sabiex jifhmu l-istruzzjonijiet li jirċievu, mingħajr ma jnaqqas xejn mir-responsabbiltajiet li joħorġu mill-Kodiċi Ċivili. Il-Periti, min-naħa loħra, iridu jerfgħu r-responsabbilta’ għal kull meta kienu negliġenti, jew ma eżerċitawx biżżejjed għaqal fix-xogħol tagħhom, inkluż fid-disinn ta’ strutturi skond ir-regolamenti, u fl-istruzzjonijiet u specifications li jinħargu, b’mod speċjali rigward xogħol ta’ skavar, demolizzjoni u alterazzjonijiet u estenzjonijiet f’bini eżistenti kompliet tgħid din l-istqarrija.

Fil-Laqgħa, il-Periti kkonfermaw li għandhom dejjem jerfgħu r-responsabilita’ għas-servizzi li jagħtu skond il-ftehim tagħhom mal-klijent, iżda talbu li l-Gvern ma jkomplix ikaxkar saqajh, u li b’mod immedjat jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-qafas li jippermetti li l-Periti jistgħu jiżguraw issigurta’ tal-pubbliku jiġi fis-seħħ u jkun effettiv.

F’din l-istqarrija, il-Kamra tal-Periti kompliet li f’dan il-kuntest, il-Laqgħa Ġenerali talbet li l-emendi għall-Att dwar il-Periti, li l-Kamra ilha tinsisti dwarhom għal dawn l-aħħar 12-il sena, jiġu approvati, b’konsultazzjoni sħiħa mal-Kamra; li l-Gvern jidħol f’dikussjonijiet b’mod immedjat mal-Kamra rigward il-Qafas dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Bini u talKostruzzjoni li pproponiet il-Kamra, u biex ikun hemm qbil dwar it-terminu li fih dan jiġi mplimentat; li, saħansitra qabel ma titwaqqaf l-Awtorita’ ġdida dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni, li l-Kamra appoġġjat millbidu, il-Gvern jagħti, b’mod immedjat, ir-riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi kollha li għandha bżonn il-BRO sabiex tlaħħaq max-xogħol li għandha; u fl-aħħarnett li l-Gvern jimplimenta lobbligi bħala regolatur fir-rigward ta’ prodotti li jintużaw fil-bini, kemm dawn manifatturati lokalment u dawk impurtati, skond kif rikjest mill-Liġijiet ta’ Malta mill-2011.

Il-Laqgħa talbet ukoll li l-Avviż Legali għandu, minflok jinkludi dettalji tekniċi li għandhom isibu posthom f’regolamenti tal-bini, jippermetti li l-Periti jkunu jistgħu jissospendi x-xogħolijiet, u jagħmlu rapport mal-BRO, mingħajr ma jkollhom jirrikorru li jirriżenjaw mill-inkarigu, u dan meta il-Kuntrattur jew l-Iżviluppatur jirrifjutaw li jimxu skond l-istruzzjonijiet tal-Perit fuq materji li jirrigwardaw lintegrita’ strutturali. Il-Laqgħa talbet li għandu jkun hemm separazzjoni ċara bejn il-proċessi ta’ applikazzjonijiet għall-ippjanar, u l-proċessi li għandhom x’jaqsmu mal-mod li jiġi nnotifikat, irregolat u segwit ix-xogħol ta’ bini u kostruzzjoni. Inħlew kważi ħames snin bħala riżultat tal-pariri li ngħataw lill-Gvern li dawn iż-żewġ proċessi jingħaqdu flimkien taħt l-Awtorita’ ta’ l-Ippjanar, kompliet tgħid din l-istqarrija.

Fl-aħħarnett, il-Kamra tal-Periti qalet li l-professjoni hi obbligata li tiżgura s-sigurta’ tan-nies, u ħeġġet lill-Gvern sabiex jiddiskuti mal-Kamra, bħala l-uniku rappreżentanta skond il-liġi tal-professjoni, minflok ma jiddependi fuq pariri minn persuni jew entitajiet li mhumiex familjari ma’ l-aspetti tekniċi u ta’ inġinerija fil-proċessi tal-kostruzzjoni.

Il-Kamra tal-Periti għaddiet dak li ġie kkomunikat lis-Segretarju Parlamentari Chris Agius u issa mistennija laqgħa urġenti miegħu.

Ritratt: Matthew Tabone