Sport Waterpolo

Neptunes u Sirens jikkonfermaw is-saħħa tagħhom u Exiles jitħabtu

(Ritratt: Martin Agius)

NEPTUNES LEO VEGAS……….. 24 MARSAXLOKK BROWN’S……. 12

(4-5), (5-3), (7-3), (8-1)

F’konfront bejn iż-żewġ rebbieħa tad-diviżjonijiet l-istaġun li għadda, Neptunes Leo Vegas urew is-superjorità tagħhom fit-tieni parti tal-logħba. Marsaxlokk kienu ġejjin minn rebħa importanti kontra Valletta u fl-ewwel parti żammew ir-ritmu. Iżda tim bħal Neptunes bi plejers ta’ kwalità, splodew wara l-mistrieħ u mhux biss aċċertaw mir-rebħa iżda rebħu b’distakk kbir.

Ix-Xlukkajri rebħu l-ewwel sessjoni 5-4 bir-Russu Ivan Nagaev jiskorja doppjetta. Huma għarfu jirkupraw minn żvantaġġ doppju u saħansitra kienu 5-3 minn fuq sakemm Niki Lanzon naqqas id-distakk. Neptunes dawru l-iskor fit-tieni sessjoni b’doppjetta ta’ Darko Brguljan u Stevie Camilleri, b’Marsaxlokk jibqgħu b’distakk ta’ gowl sal-ħin tal-mistrieħ.

It-tielet sessjoni kienet storja oħra hekk kif Neptunes bdew jinqatgħu minn mal-avversarji. Wara li kienu 11-9 fil-vantaġġ, Neptunes skorjaw ħames gowls konsekuttivi biex għalqu l-logħba. F’din is-sessjoni ħareġ għal ftit ħin Stevie Camilleri wara li qala’ daqqa, iżda hu rritorna fl-aħħar sessjoni b’aktar aggressività u skorja tripletta fil-bidu. Huma baqgħu jikkontrollaw sat-tmiem hekk kif baqgħu jiskorjaw sal-aħħar sekondi b’doppjetta fl-aħħar ta’ Nikolai Zammit.

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (1), K. Erdogan, G. Pace (1), P. Muslim (5), D. Brguljan (5), S. Camilleri (6), J. Camilleri (1), J. Abela (2), N. Zammit (3), J. Muscat, M. Azzopardi, B. Busuttil, S. Busuttil, J. Farrugia

Marsaxlokk: R. Coleiro, J. Rizzo Naudi, L. Calleja, M. Martellacci, T. Agius (1), J. Galea, A. Vlahovic (3), I. Nagaev (4), S. Micallef (2), R. Scerri (1), M. Cacici, O. Zammit, L. Saliba, M. Pace (1), K. Galea

Referees: Peter Balzan, Riccardo D’Antoni

SIRENS GREENTUBE………….. 15 VALLETTA VIDEOSLOTS…………. 9

(4-2), (5-3), (2-1), (4-3)

Sirens Greentube għamlu bħal Neptunes u kisbu t-tielet rebħa fil-grupp tagħhom b’rebħa meritata fuq Valletta Videoslots 15-9, bil-Beltin issa huma altru minn destinati li jkomplu l-istaġun fl-Ewwel Diviżjoni. Id-differenza bejn it-tnejn tant kibret li Sirens lagħbu mingħajr it-Taljan Valentino Gallo u xorta spiċċaw rebbieħa, bil-barranin ta’ Valletta jiddiżappuntaw mhux ftit.

Probabbilment li bl-iskwadra preżenti, Valletta ma kienx se jkollhom staġun feliċi fil-Kampjonat Premier u għandhom iħarsu lejn mira minima li jirbħu l-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni. L-iskwadra tagħhom għandha diversi nuqqasijiet fosthom li l-barranin mhumiex determinanti kif huma ta’ timijiet oħra.

Għajr meta kienu 1-0 minn fuq, Valletta qatt ma kienu fil-vantaġġ u kull meta pruvaw inaqqsu d-distakk, ħafna drabi spiċċaw isofru gowl ftit wara li kompla għamel il-logħba tagħhom diffiċli. Sirens wieġbu mill-ewwel u marru 3-1 minn fuq u temmew is-sessjoni xorta b’distakk ta’ żewġ gowls.

Dan id-distakk kompla jikber gradwalment fit-tieni sessjoni. Sa tliet minuti minn tmiem is-sessjoni l-iskor kien 6-4, iżda Sirens skorjaw darbtejn f’minuta minn Christian Presciutti u Jerome Zerafa Gregory u bidlu l-logħba. Cordina prova jħalli lil Valletta jittamaw iżda reġgħu sofrew gowl ħames sekondi mit-tmiem.

Dmitrii Kholod falla penalty fit-tielet sessjoni, bl-iskor isir 11-6. Il-logħba ħadet xejra li Valletta ma setgħu qatt jirkupraw filwaqt li Sirens komplew jikkontrollaw. Sa nofs l-aħħar sessjoni, l-iskor kien 15-7, b’Daniel Paolella jiskorja doppjetta lejn it-tmiem biex naqqas id-distakk.

Sirens: N. Grixti, J. Zerafa Gregory (1), C. Presciutti (5), P. Privitera (1), M. Grech (1), J. Brownrigg (3), I. Riolo (2), V. Gallo, J. Napier, E. Aquilina (1), L. Caruana, M. Sciberras (1), O. Gauci, Z. Bartolo, G. Farrugia

Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines (1), A. Agius, P. Borg, C. Zammit, R. Mock, D. Paolella (2), M. Mifsud (2), M. Cordina (1), M. Zammit (1), D. Kholod (2), A. Bianchi, R. Bonnici, S. Misic, N. Farrugia

Referees: Massimo Angileri, Luca Bianco

Ritratt: Martin Agius)

MARSASKALA FISH AND FISH……. 8 EXILES ELIA CATERERS……….. 10

(1-3), (3-2), (0-3), (4-2)

Exiles Elia Caterers wieġbu għat-telfa li sofrew ftit jiem ilu kontra Sliema u għelbu lil Marsaskala Fish and Fish. Minkejja t-tliet punti li finalment huma l-aktar ħaġa importanti, il-prestazzjoni ma kinitx brillanti u f’mumenti kellu jkun il-gowlkiper Matthew Castillo li spikka biex Exiles baqgħu fil-vantaġġ.

Marsaskala ma kellhom xejn x’jitilfu f’din il-logħba iżda kollox ma’ kollox kellhom prestazzjoni sodisfaċenti hekk kif ma ħallewx lill-avversarji jkunu komdi fil-logħba.

Konstantin Averka fetaħ l-iskor għat-tim ta’ Dorian Pisani iżda Exiles wieġbu bi tliet gowls konsekuttivi u rebħu l-ewwel sessjoni 3-1. Ħafna setgħu jaħsbu li Exiles kienu se jikkontrollaw mingħajr problemi, iżda Marsaskala baqgħu fil-logħba u temmew it-tieni sessjoni gowl minn taħt.

Wara l-mistrieħ, Exiles dehru li setgħu jiksbu r-rebħa. Huma skorjaw tliet gowls mingħajr risposta minn Michele Stellini, Timmy Sullivan u Milos Vukicevic biex bdew l-aħħar sessjoni b’vantaġġ komdu ta’ 8-4. F’din is-sessjoni, Marsaskala tilfu lil Averka li tkeċċa lejn nofs is-sessjoni. Fuq in-naħa l-oħra lil Marko Jelaka bi tliet fawls.

Marsaskala pruvaw jibqgħu fil-logħba fl-aħħar sessjoni iżda f’żewġ okkażjonijiet meta naqqsu l-iskor, Exiles wieġbu. Doppjetta ta’ Kristijan Milakovic ma kinitx biżżejjed biex tevita t-telfa.

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (1), A. Camenzuli, M. Manara, M. Aquilina, L. Grixti, K. Navarro, K. Milakovic (3), K. Averka (3), J. Culic, R. Attard, D. Borg Millo, M. Borg, L. Felice, J. Ciantar (1)

Exiles: M. Castillo, M. Stellini (1), A. Magri, M. Jelaca (4), T. Sullivan (1), S. Xerri de Caro, M. Fenech, K. Griscti, M. Vukicevic (3), A. Cousin, N. Paris (1), P. Paris, M. Martin

Referees: Neville Mercieca, Luca Bianco