“Il-poplu mhuwiex biss imħasseb – huwa mbeżża dwar dak li jista’ jiġri”. Hekk jgħid rapport tal-Kummissjoni Ambjentali Interdjoċesana maħruġ b’reazzjoni għar-regolamenti l-ġodda tal-kostruzzjoni.
Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni tikkwota Artiklu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem li jgħid li “Kulħadd għandu d-dritt għar-rispett lejn il-ħajja privata u tal-familja tiegħu, daru u l-korrispondenza tiegħu” u jisħaq dwar id-dritt ta’ kull individwu li jgħix ħajja serena u li jgawdi l-propjetà tiegħu mingħajr biża’.
Għaldaqstant huwa l-obbligu ta’ kull min hu involut fl-industrija tal-kostruzzjoni li jassiguraw is-sigurtà tagħhom infushom kif ukoll dik tal-individwi fi propjetajiet li qed jiġu żviluppati u dawk li jgħixu fil-madwar, jgħid ir-rapport. Dan l-obbligu jaqa’ fuq il-kuntratturi, l.-iżviluppaturi, il-politiċi, is-site managers, il-periti, u l-professjonisti u ħaddiema kollha l-oħra li jaħdmu f’dan il-qasam.
Il-Kummissjoni tgħid li l-komunitajiet Maltin qed ikollhom isofru inkonvenjenti kontinwi u esprimiet it-tħassib anke għall-iżvilupp ta’ propjetajiet biż-żieda ta’ aktar sulari fuqhom.
Uriet ukoll it-tħassib tagħha għall-fatt li l-konsultazzjoni saret fuq ħamest ijiiem biss u dwar l-effettività fit-tul ta’ bidliet ibbażati fuq żmien daqstant qasir ta’ konsultazzjoni.
Il-Kummissjoni saħqet dwar il-ħtieġa ta’ kordinazzjoni bejn l-entitajiet kollha kkonċernati. Ir-rapport jirreferi għall-atitudni short-term li jieħdu uħud mill-iżviluppaturi u l-kuntratturi li b’xorti ħażina qed tħalli konsegwenzi serji liċ-ċittadin komuni.
Ir-rapport ikompli jgħid li biex tkompli tgħarraq is-sitwazzjoni, il-pajjiż għadu ma tgħallimx mill-inċidenti u l-individwi li daħħlu lis-soċjetà tagħna f’din is-sitwazzjoni għandhom ukoll l-irwol li jsolvu l-problemi li nħolqu, minkejja l-kunflitt ta’ interess ċar li għandhom.
Ir-risposta dwar jekk l-industrija tal-kostruzzjoni hix kapaċi li tirregola lilha nnifisha toħroġ minn numru ta’ inċidenti kontinwi u ħafna drabi fatali f’dan il-qasam, jgħid ir-rapport.
Il-Kummissjoni tagħlaq ir-rapport tagħha billi tesprimi t-tama tagħha li dawn ir-regolamenti l-ġodda mhux biss miżura populista biex tipprova tagħti l-impressjoni lill-pubbliku li qed isir xi ħaġa migħajr ma jpoġġi r-responsabbiltajiet fuq dawk kollha involut f’din l-industrija.
//= $special ?>