Futbol Sport

Sanchez ipoġġi liċ-Ċili mal-aħħar tmienja tal-Copa America

Alexis Sanchez kien strumentali biex iċ-Ċili għaddiet mal-aħħar tmienja b’rebħa ta’ 2-1 fuq l-Ekwador. Dan minkejja li ma kienx fl-aħjar kundizzjoni wara li weġġa’ fl-ewwel taqsima u baqa’ fil-pitch isofri l-uġigħ.

Iċ-Ċili fetħet l-iskor wara tmien minuti meta minn korner, il-ballun spiċċa għand Jose Fuenzalida li b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lil Alexander Dominguez. L-iskor sar indaqs fis-26 minuta wara li Gabriel Arias waqqa’ lil Jhegson Mendez fil-kaxxa, b’Enner Valencia jsib ix-xibka b’penalty ċentrali.

Il-gowl deċiżiv wasal fil-51 minuta. Kien Charles Aranguiz li mil-lemin tefa’ kross lejn Alexis Sanchez li kien preċiż biex b’xutt mill-ewwel tefa’ l-ballun fir-rokna leminija tiegħu, b’Dominguez imiss biss il-ballun. L-Ekwador lagħbet l-aħħar minuti b’raġel anqas wara li Gabriel Achilier tkeċċa minħabba li ta daqqa ta’ minkeb lil Arturo Vidal.

Dan kien it-tieni gowl ta’ Sanchez f’din l-edizzjoni ta’ plejer li ġej minn staġun diffiċli u li rkupra minn injury oħra qabel il-bidu tal-kompetizzjoni. Hu skorja t-43 gowl mat-tim nazzjonali.