Grupp ta’ 37 persuna li telqu mil-Libja lejn l-Ewropa mistennija ddaħħlu f’Xatt it-TIben ftit wara s-13:30.
B’din l-aħħar wasla, l-ammont ta’ immigranti li ddaħħlu f’Malta fl-aħħar xhur issa qabeż is-760 persuna.
Kienet l-għaqda mhux governattiva Alarm Phone li fuq Twitter ħabbret li l-immigranti ħallew il-Libja kważi 23 siegħa qabel bagħtu talba għall-għajnuna ftit qabel il-ħdax tas-Sibt filgħaxija.
Skont l-istess għaqda, kien ftit wara s-siegħa ta’ filgħodu li l-awtoritajiet Maltin ikkonfermaw li se jibgħatu l-għajnuna, għalkemm sitt sigħat Alarm Phone ddikjarat li din kienet għadha ma waslitx.
Fid-dawl ta’ dan, l-NGO appellat mill-ġdid għall-għajnuna: “Id-dgħajsa tinsab f’diffikultà u dawk abbord jinsabu f’paniku. Jiddikjaraw li wħud minnhom jinsabu qrib il-mewt u li għandhom bżonn assistenza medika immedjata. Is-sitwazzjoni hi urġenti imma l-awtoritajiet Maltin mhux jaġġornawna.”
Finalment, għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħodu kien notifikat lil Alarm Phone li s-salvataġġ kien seħħ u li dawk kollha abbord ġew salvati.
Is-salvataġġ seħħ figħat biss wara li filmati miġbuda minn fuq ajruplan tal-Aġenzija Ewropea Frontex qabdu jidhru lanċa tas-sajd tirmonka dgħajsa żgħira warajha. Hekk kif jaslu fuq il-post ftit ‘il barra mill-ibħra Taljani, l-immigranti jiġu mġiegħla jiżbarkaw fuq id-dgħajsa żgħira bil-lanċa titlaq mill-post u tħallihom għal riħhom sakemm jiġu salvati.
Il-Pulizija Taljana arrestat is-7 persuni li kienu abbord; sitt Eġizzjani u Tuneżin li mistennija jittressqu b’akkużi ta’ traffikar ta’ persuni.
Fl-istess waqt għadha għaddejja l-kriżi għal grupp ieħor ta’ immigranti li ilhom għaxart ijiem maqbuda fuq il-bastiment Sea Watch barra Lampedusa, bil-Gvern Taljan li għalaq il-portijiet.
Fl-aħħar sigħat il-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini kiteb lill-Ministru tal-Intern Olandiż fejn esprima d-diżappunt tiegħu tiegħu li dan il-pajjiż iddiżinteressa ruħu minn bastiment li jtajjar bandiera Olandiża.
Fl-ittra, Salvini ddikjara li se jżomm responsabblu lill-Olanda u lill-Unjoni Ewropea jekk jinqala’ xi ħaġa lin-nisa u rġiel abbord. B’kollox, fuq dan il-bastiment hemm 42 persuna.
//= $special ?>