Il-Ministru Ian Borg fl-Istati Uniti jipprepara bis-sħiħ biex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fit-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Laburista
Il-Ministru Ian Borg hu taħt pressjoni wara dak li pajjiżna esperjenza fl-industrija tal-bini fl-aħħar ġimgħat, b’għadd ta’ binjiet jiġġarrfu qrib siti ta’ kostruzzjoni. Dan għaliex Ian Borg hu l-Ministru responsabbli mill-Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll mir-regolamenti tal-industrija tal-bini.
F’dan l-inkwiet kollu li għaddew minnu ħafna familji li spiċċaw bla saqaf fuq rashom, l-industrija tal-kostruzzjoni, l-industrija tat-turiżmu li issa qed tħoss l-effetti ta’ pajjiż li qed isir magħruf dejjem aktar bħala sit ta’ kostruzzjoni għat-turist, il-Ministru Ian Borg kien moħħu f’affarijiet oħrajn.
il-mument hu infurmat li moħħ il-Ministru Ian Borg hu aktar li jkompli jipprepara bis-sħiħ biex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fit-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Laburista wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat iħabbar li se jċedi l-pożizzjoni tiegħu bħala kap tal-partit.
il-mument jista’ jikkonferma li l-Ministru Ian Borg attenda għal kors fil-public speaking waqt li l-ġimgħa li għaddiet kien fl-Istati Uniti. Skont l-istqarrija uffiċjali tad-Dipartimenti tal-Informazzjoni tal-Gvern, id-DOI, Ian Borg kien fl-Istati Uniti biex jiltaqa’ ma’ uffiċjali għolja tal-Gvern f’Washington DC.
Madankollu, sorsi li tkellmu ma’ il-mument spjegaw li din kienet biss skuża biex il-Ministru Borg jaħbi r-raġuni vera għaliex tela’ fl-Istati Uniti. Jindikaw li fuq kollox, ir-raġuni kienet li l-Gvern iħallas għal din iż-żjara għax uffiċjalment saret fuq xogħol, fl-istess waqt li Ian Borg kien qed jattendi wkoll għal dan il-kors.
Id-delegazzjoni li kien parti minnha Ian Borg fost oħrajn kienet tinkludi wkoll lil uffiċjali oħra tal-Gvern – fosthom l-Ambaxxatur Malti għall-Istati Uniti Keith Azzopardi, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Fredrick Azzopardi, u ċ-Chief of Staff Julian Tabone.
Din l-informazzjoni dwar il-vjaġġ tal-Minsitru Ian Borg fl-Istati Uniti kienet ikkonfermata lil il-mument minn sorsi qrib Kastilja, u qrib il-Prim Ministru Joseph Muscat. Sorsi li huma magħrufa li qed jaraw lill-Ministru Ian Borg bħala theddida għall-Ministru Konrad Mizzi, li hu sigriet magħruf li wkoll interessat bis-saħħa li jieħu post Joseph Muscat bħala Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista.
Dawn l-istess sorsi spjegaw ukoll li teżisti rabja għal Ian Borg anke għall-fatt li hu l-Ministru responsabbli mill-Ippjanar għall-mod li bih abbanduna lill-Prim Ministru u ħallieh jaffaċċja waħdu l-kriżi relatata mas-sitwazzjoni preokkupanti u serja tal-industrija tal-kostruzzjoni f’pajjiżna wara li l-istess gvern ta’ Muscat m’għamel xejn quddiem is-sitwazzjoni kif eskalat u ħarġet ’il barra minn kull kontroll.
Fil-fatt, minkejja li l-Prim Ministru kien qed jordna s-sospensjoni tat-twaqqigħ u skavar f’siti ta’ kostruzzjoni, waqt li kien qed iħabbar proċess ta’ konsultazzjoni dwar regoli ġodda f’siti ta’ kostruzzjoni u anke waqt li diversi kienu qed jilmentaw mis-sitwazzjoni preżenti, il-Ministru Ian Borg kien assenti.
Ma’ dan, din il-ġimgħa l-Ministru Ian Borg ħa daqqa oħra hekk kif iffaċċja deċiżjonijiet u sentenzi mill-Qrati. Il-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li l-Awtorità tal-Ippjanar li tagħha hu responsabbli l-Ministru Ian Borg, kissret il-liġi meta ħarġet il-permess għal pool f’art agrikola tal-Ministru Ian Borg u ddikjarat li l-permess maħruġ kien illegali. Il-Qorti ddeċidiet dan f’kawża li bdiet minn resident Dingli li għandu l-għelieqi fl-inħawi tal-art tal-Ministru Ian Borg.
F’din il-kawża ħareġ li l-Awtorità tal-Ippjanar applikat policy li mhux suppost tiġi applikata f’żoni rurali. Dan kien ukoll it-tieni permess li ngħata Ian Borg wara li nħariġlu permess biex jibni r-residenza tiegħu f’wied.
F’deċiżjoni oħra li tat il-Qorti fl-istess ġurnata, kien stabbilit li kien hemm kunflitt ta’ interess ċar minn wieħed mill-membri tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li approva l-permess tal-Grupp DB għal żvilupp massiċċ fuq l-art tal-ITS f’Pembroke. Dan għaliex il-kumpanija privata tiegħu kienet involuta fil-bejgħ ta’ propjetà tal-proġett. F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Qorti kienet li tirrevoka l-permess.
Dawn id-deċiżjonijiet tal-Qrati din il-ġimgħa, ħolqu terremot għall-Ministru Ian Borg u tefgħu taħt il-lenti l-operat tal-Awtorità tal-Ippanar li minnha hu responsabbli l-Ministru Ian Borg. Dan hekk kif fl-istess deċiżjoni li ħa l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, kienet l-Awtorità tal-Ippjanar stess li ġabet b’jet privat membru tal-Bord biex tivvota favur dan il-proġett.
//= $special ?>