Hekk kif qed joqrob tmiem it-terminu ta’ Karmenu Vella bħala Kummissarju Ewropew, tibda l-ħidma minn taħt għal diversi esponenti Laburisti bit-tama li jieħdu post Vella f’waħda mill-ogħla istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt, il-gazzetta Illum irrappurtat kif fost il-membri anzjani tal-Kabinett ta’ Muscat bdew jissemmew xi ismijiet ta’ dawk interessati jagħlqu l-karriera politika tagħhom b’din il-kariga. Fost l-oħrajn Helena Dalli, li qed turi l-interess, billi saħansitra qed tipprova titgħallem il-Franċiż biex, skont hi, ma ssibhiex diffiċli tikkomunika fi Brussell.
F’każ li Helena Dalli tintagħżel u tgħaddi mill-grilling tal-Parlament Ewropew, is-sitwazzjoni taf tinbidel f’waħda ta’ uġigħ ta’ ras għall-Prim Ministru Joseph Muscat, li jkollu bżonn ibiddel il-Kabinett tiegħu biex jimla’ l-post battal.
L-istess jiġri jekk għall-pożizzjoni ta’ Kummissarju Ewropew jintagħżel il-Ministru Evarist Bartolo, li ismu kien wieħed mill-favoriti għall-Presidenza u li issa jista’ jingħata l-premju għall-ħidma tiegħu fil-Partit Laburista b’din il-kariga.
Skont il-gazzetta, post Helena Dalli fil-Kabinet jista’ jimtela’ mis-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia jew mill-Backbencher Rosianne Cutajar. Min-naħa l-oħra, post Evarist Bartolo jista’ jittieħed mis-Segretarju Parlamentari Clifton Grima jew mill-eks Ministru Edward Zammit Lewis.
Iżda dan kollu, skont l-istess gazzetta, jista’ jkun evitat jekk għall-kariga ta’ Kummissarju Ewropew jitfa’ ismu l-Prim Ministru Joseph Muscat innifsu. Dan aktar u aktar meta qed jidher aktar ċar li kwalunkwe pożizzjoni fit-tmexxija tas-Soċjalisti Ewropej qed issirlu dejjem aktar remota.
Madankollu, il-gazzetta stess tinnota kif din il-karta ma tantx tidher probabbli minħabba li Muscat mhux se jieħu r-riskju jaffronta l-grilling tal-Parlament Ewropew, bil-possibbiltà li jaqa’ għaċ-ċajt f’dak il-livell.
Dan fid-dawl ta’ diversi akkużi li ilhom isirulu fuq livell Ewropew, fost oħrajn għall-mod kif żamm miegħu lil Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Għaldaqstant, u biex jevita kwalunkwe possibbiltà ta’ problema interna jew xi umiljazzjoni perssonali, mhux eskluż lanqas li l-Gvern jagħżel l-eħfef triq għalih – li jħalli lil Karmenu Vella għal terminu ieħor u kollox jibqa’ kif inhu.
//= $special ?>