Jidher li l-Gvern ma tantx jimpurtah la mill-esperjenzi li jagħmlu l-ġenituri l-ġodda u n-nisa li jkollhom bżonn kura fl-Isptar Mater Dei u lanqas mill-kundizzjonijiet inaċċettabbli li qed jaħdmu fihom il-qwiebel.
Dan għaliex minkejja d-direttivi li tat il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel fis-swali Obstetrics 1, 2 u 3 fil-bidu tal-ġimgħa, baqa’ ma nbidel assolutament xejn. Bir-riżultat li l-qwiebel baqgħu fejn kienu u l-pazjenti qed ibatu l-konsegwenzi tal-għebusija tar-ras jew l-indifferenza tal-Gvern.
L-MUMN tat id-direttivi wara li l-qwiebel sabu ruħhom f’sitwazzjoni fejn uħud minnhom ingħataw kundizzjonijiet agħar minn oħrajn.
Qwiebel li tkellmu ma’ Net News qalu li filwaqt li kien hemm min ingħata roster ta’ 40 siegħa fuq day, morning, night, rest, off oħrajn ma ngħatawx l-istess opportunità li jaħdmu nofs ta nhar u minflok ikollhom jieħdu brejks itwal u jibqgħu xorta jahdmu ġurnata twila b’sistema ta’ day, day, night, rest, off.
Din hi biss kwistjoni waħda li għandhom il-qwiebel f’Mater Dei li qed twassal għal frustrazzjoni u rabja fosthom. Dawn il-kundizzjonijiet ilhom jippersistu tant li fil-labour ward biss hemm 6 senior midwives li jridu jitilqu u talbu transfer. Sitwazzjoni li tirrepeti ruħha anke fl-NPICU.
Id-direttivi mgħotija mill-MUMN jinkludu li l-midwives ma jgħinux la fil-ħasil tal-pazjenti u fir-rounds tas-swali, u lanqas fit-trasferiment tal-pazjenti jew fix-xogħol klerikali.
Fost id-direttivi hemm ukoll dik li l-midwives jinfurzaw ir-regoli tal-ħinijiet tal-viżitaturi. Dan ifisser li fejn qabel kienu jkunu flessibbli u jagħlqu għajnejhom għal dawk il-viżitaturi li jdumu ftit aktar ħdejn qrabathom, issa qed ikunu aktar stretti. Xi ħaġa li ma tantx niżlet tajjeb mal-pazjenti. Iżda minkejja l-garr u l-ilmenti tal-pazjenti u minkejja l-appelli tal-Union tal-Inferiera u l-qwiebel lill-Gvern, sa issa il-Gvern għadu ma ħa l-ebda azzjoni u ma wera’ l-ebda interess biex jipprova jsolvi l-kwistjonijiet tal-qwiebel.
//= $special ?>