Lokali

Is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar jaqbeż lill-għaqdiet u lill-Kurja – l-għaqdiet tal-lokal jiddiżassoċjaw ruħhom

Is-Sindku ġdid ta’ Ħaż-Żabbar qabeż lil kulħadd u njora laqgħat li ilhom għaddejjin xhur u ħabbar inizjattiva personali biex tkun kummissjonata statwa ġdida tal-Irxoxt.

Iżda biex għamel dan ħoloq kwistjoni sħiħa, fost oħrajn għaliex lanqas biss talab għall-approvazzjoni tal-Kurja, li mingħajrha l-ebda statwa mhux approvata ma tkun tista’ tinżamm fil-Knisja jew toħroġ b’xi purċissjoni rikonoxxuta.

Dan wassal biex inħolqot kwistjoni sħiħa, anke fid-dawl li Jorge Grech, is-Sindku, ħabbar li se jibda jiġbor id-donazzjonijiet b’mod personali. hawn ukoll tqum id-domanda dwar jekk Grech għandux l-awtorizzazzjoni li jagħmel dan.

Fid-dawl ta’ dan, l-Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel u s-Soċjetà Filarmonica Maria Mater Gratiae ħarġu stqarrija konġunta fejn esprimew dispjaċir għal dan kollu.

Qalu li kemm Grech kif ukoll l-artist jafu li għaddejjin diskussjonijiet professjonali u sodi biex dan il-proġett jitwettaq b’mod konkret u jservi bħala opportunita ta’ għaqda u mhux firda.

Huma kkundannaw dak li sejħu bħala mod mhux professjonali kif isiru l-affarijiet waqt li ddiżassoċjaw ruħhom minn din l-inizjattiva u mill-fondi li possibbilment jistgħu jinġabru.

Fl-istess waqt ħabbru li għadu għaddej proċess ta’ diskussjonijiet biex jintlaħaq ftehim formali li mistenni dalwaqt u li dwaru huma nfurmati wkoll l-awtoritajiet.