Lokali

It-tieni jum ta’ ħidma intensiva kontra n-nirien fil-Masġar tal-Miżieb

Baqgħet għaddejja għal għadd ta’ sigħat, saħansitra matul il-jum tal-Ħadd il-ħidma tal-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex ikunu kkontrollati n-nirien fil-Masġar tal-Miżieb, li jkopri madwar 50 tomna ta’ art.

Dan hekk kif NET News jinsab infurmat li, kemm is-Sibt filgħaxija kif ukoll il-Ħadd filgħodu, dan id-Dipartiment irċieva diversi rapporti oħra ta’ aktar nirien fil-Masġar.

Iżda għadu mhux ċar jekk dawn ir-rapporti humiex relatati man-nirien li filgħodu qerdu parti sostanzjali minn dan il-Masġar, u baqgħu għaddejjin, inkella jekk kienux każi ġodda li qabdu fl-aħħar sigħat.

Dan meta, sezzjonijiet oħra tal-media lokali qalu li ma’ dawn l-aħħar rapporti ta’ nirien setghu kienu nvoluti xi persuni.

B’hekk, filwaqt li hu kważi kkonfermat li n-nirien ta’ filgħodu kienu aċċidentali kawża tas-sħana li fl-aħħar jiem ħakmet lill-pajjiż, skont dawk ir-rapporti, is-Sibt filgħaxija membri tal-Protezzjoni Ċivili allegatamet lemħu xi persuni jiġru ‘l barra miż-żona.

Madankollu l-Pulizija ma rċievew l-ebda rapport simili waqt li kelliem għall-Protezzjoni Ċivili ma eskludiex li dawn setgħu kienu sidien tal-artijiet milquta u li kienu fil-post biex jaraw xi ħsara sofrew.

Sorsi fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qalu lil NET News li l-Ħadd filgħodu intbagħat drone fuq il-Masġar biex jagħti stampa aktar ċara ta’ żoni fejn in-nar għadu ma ġiex ikkontrollat għalkollox.

Sadanittant, fi stqarrija, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qed ittenni l-allegazzjoni li n-nirien setgħu ma tqabbdux waħedhom. Iżda minkejja li ma tatx aktar dettalji, qalet li din l-informazzjoni ngħaddiet lill-Pulizija.

L-FKNK, li hi l-għaqda responsabbli minn dan il-Masġar, qalet li dan ma kienx l-ewwel każ ta’ ħsarat, vandaliżmu jew vendikazzjonijiet fir-Riżervi tal-Miżieb u tal-Aħrax, filwaqt li tenniet l-appell għal aktar sorveljanza u infurzar kif xieraq.