Lokali

“Santa Liena tilqgħek fi ħdanha” – Salvu Grima tal-Palaw identifikat bħala l-vittma tal-għarqa

Salvu Grima, magħruf bħala l-Palaw, li kellu 71 sena tilef ħajtu wara li waqa’ fil-baħar waqt li kien qed jistad fiċ-Ċirkewwa.

L-inċident seħħ ftit wara d-disgħa ta’ filgħodu fiċ-Ċirkewwa meta l-anzjan residenti f’Birkirkara kien qed jistad bil-qasba minn fuq il-blat.

Jirriżulta li f’mument minnhom is-sajjied waqa’ fil-baħar, b’anzjan ieħor li kien qed jistad miegħu jitlob għall-għajnuna.

Fil-post immedjatament waslu membri tal-Malta Red Cross li tellgħu lir-raġel fuq l-art u tawh l-ewwel għajnuna. Madankollu hu tilef ħajtu fil-post.

Fil-post waslu wkoll uffiċjali tal-Pulizija, li kienu nfurmat bl-inċident għall-ħabta tad-9:20, bl-investigazzjonijiet tagħhom li għadhom għaddejjin.

Dwar dan il-każ inħatret inkjesta maġisterjali.

L-aħbar nikktet lil ħafna, bil-Kumitat tan-Nar Santa Liena 18 t’Awwissu ta’ Birkirkara jfakkar lil Grima bħala raġel li għal snin twal ta s-sehem tiegħu fil-Piroteknika.

Tant hu hekk li għal snin twal kien ukoll detentur tal-permess tal-post tan-nar.