Sport

Sport Extra speċjali minn Napli dwar l-Universiade 2019

Charles Camenzuli jintervista lil Massimiliano Rosolini

Illum fis-6.05pm fuq Net Television jixxandar l-34 programm mis-sensiela Sport Extra. Bi produzzjoni ta’ Charles Camenzuli, il-programm hu wieħed speċjali miġbud f’Napli dedikat għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Universiade li tibda fit-3 ta’ Lulju.

Fil-programm, apparti tagħrif dwar dak li Napoli lesta li torganizza, intervisti esklussivi ma’ uħud mill-aqwa rebbieħa Olimpiċi tal-Italja f’dawn l-aħħar snin. Fosthom l-aħwa Pino u Franco Porzio, rebbieħa tal-midalja tad-deheb fil-waterpolo fl-Olimpjadi tal-1992 f’Barcelona, kif ukoll il-boxer Patrizio Oliva li rebaħ id-deheb fl-Olimpjadi tal-1970 f’Moska. Intervistati wkoll, wieħed mill-aqwa għawwiema ta’ kull żmien li kien protagonista f’Sydney fl-2000 Massimiliano Rosolino u Davide Tizzano li rebaħ żewġ midalji Olimpiċi fil-qdif.

Fil-programm intervista ma’ wieħed mill-ambaxxaturi tal-Universiade Gianni Maddaloni, missier Pino Maddaloni li rebaħ midalja Olimpika f’Sydney li iżda ddedika ħajtu biex permezz tal-judo jiġbor tfal u jgħallimhom l-isport flok li jitħallew fit-toroq ta’ Scampia. Intervista interessanti mal-kompożitur Stefano Gargiulo li kkompona l-innu uffiċjali tal-Universiade bl-isem The Glory.

Il-muntaġġ tas-servizzi fil-programm sar minn Samira Cachia Spiteri filwaqt li l-filmati ttieħdu minn Giuseppe Naldini flimkien ma’ Sergio Iannuzzella, bil-kollaborazzjoni ta’ Gianfranco Coppola.