Riforma tkun biss suċċess jekk dawk kollha nvoluti jkollhom ir-rieda li jbiddlu u jtejjbu.
Kienet din l-istqarrija tal-Kamra tal-Kummerċ fir-rispons u r-rakkomandazzjonijiet tagħha wara l-proċess ta’ konsultazzjoni li sar rigward l-avviż legali li propona l-gvern f’dak li għandu x’jaqsam regolamenti ġodda dwar prattiċi ta’ tħaffir u kostruzzjoni.
Il-Kamra saħqet li minn dejjem kienet favur l-ogħla standards fid-disinn, l-inġinerija u l-kostruzzjoni – li għandhom isiru l-għanijiet veri. Din ir-riforma għandha tkun waħda ta’ reviżjoni ħolistika tal-qafas regolatorju u prattiku biex verament nimmodernizzaw u nbiddlu is-sitwazzjoni attwali tal-industrija, kompliet tgħid l-istqarrija.
Fid-dokument li kien ikkompilat, wara konsultazzjoni mal-membri tagħha, il-Kamra qalet li kienet ċara li riżultati konkreti, jinkisbu biss, jekk l-partijiet involuti kollha jkollhom ir-rieda li jbiddlu u l-iktar importanti, itejbu.
Il-Kamra wissiet ukoll li l-awtorità l-ġdida li se tkun stabbilita għandha tagħmel ħilitha biex tirregola u tinfurza filwaqt li teduka u timmotiva lill-industrija u lill-pubbliku biex din l-industrija taċċella fix-xogħol tagħha. L-istess kamra ħeġġet biex din tkun sostenibbli fl-għanijiet tagħha.
Hu għalekk li l-Kamra tal-Kummerċ, għal darb’oħra qed tħeġġeġ lil dawk li jfasslu biex jħaffu l-proċess biex jirriformaw dan is-settur darba għal dejjem. M’għandniex nieqfu hawn, iżda għandna kollha nistinkaw biex niżguraw li l-miri ta’ kwalità u sikurezza jintlaħqu. Il-Kamra tal-Kummerċ hija lesta tikkontribwixxi għal dan il-proċess biex tiżgura li din il-bidla tassew issir, kompliet tgħid din l-istqarrija.
Fl-aħħarnet, il-Kamra kkonkludiet r-rekomandazzjonijiet tagħha billi fakret kemm kienet suċċess fl-għajnuna tagħha biex inħolqu industriji ġodda u biex oħrajn ġew trasformati f’industriji regolati, kwalitattivi u b’saħħithom.
“Ħallu l-industrija tal-bini tkun waħda li tibbenefika minn motivazzjonijiet ta’ riġenerazzjoni pożittiva u tkabbir” – temmet tgħid il-Kamra tal-Kummerċ
//= $special ?>

