Sport Sport Ieħor

Federer jirbaħ l-Open ta’ Halle għall-għaxar darba

(Ritratt: EPA)

Roger Federer kellu l-aħjar preparazzjoni qabel it-tournament ta’ Wimbledon meta rebaħ l-Open ta’ Halle għal rekord għaxar darbiet. Fil-finali l-20 darba rebbieħ ta’ Grand Slam rebaħ kontra l-Belġjan David Goffin 7-6, 6-1 biex rebaħ il-102 titlu fil-karriera tiegħu.

Federer li qed ifittex id-disa’ suċċess f’Wimbledon, kellu jitħabat fl-ewwel fażijiet iżda ddomina l-finali. Din hi l-ewwel darba li Federer rebaħ tournament tal-anqas għaxar darbiet, bi tmien suċċessi fl-Open ta’ Dubai u Wimbledon u disa’ unuri f’Basel.

Dan it-titlu jkompli jikkonferma d-dominanza li għandhom Rafael Nadal, Novak Djokovic u l-istess Federer. “Sakemm jien, Rafa u Novak għadna nilagħbu mhux se tkun faċli għal żagħżugħ biex jiddomina. Forsi jkun ta’ ġid għall-isport jekk jagħmluha, ma nafx. In-nies jidhru li jogħġobhom kif inhi bħalissa,” qal Federer.

Tags