Lokali

“Fis-Sajf ikollna ħafna minnhom pero mhux normali nar f’dak il-kobor”

Intervista mad-Deputat Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Civili – CPD – Peter Paul Coleiro

X’inhuma l-kummenti tiegħek dwar dak li ġara fil-Miżeb?

Il-Miżieb kelna operazzjoni pjuttost kbira fejn fiha kelna 6 vetturi, 20 persuna kif ukoll xi voluntiera minn NGOs li għenuna nippruvaw nikkontrollaw in-nirien li kien hemm fil-Miżieb. Fl-istess ħin ukoll kelna operazzjoni oħra mdaqqsa għaddejja n-naħa taċ-Chadwick Lakes. Għawdex ukoll kien hemm diversi operazzjonijiet u oħrajn bħal dar taqbad f’Birkirkara, kollha għaddejjin fl-istess ħin u l-Protezzjoni Ċivili laħqet ma’ din id-domanda kollha.

X’sar biex waqaf in-nirien li ħakem fil-Miżieb?

Wieħed irid iqis li wara Xitwa bħal din li għadha kemm għaddiet, il-ħaxix kiber b’mod sostanzjali u issa minħabba s-sħana jibda jinxef u jkun faċli ħafna illi jaqbad. Min-naħa tagħna l-pumpiera dejjem jattakaw in-nirien billi jippruvaw jantiċipaw fejn ser ikun in-nar fi ftit mumenti biex jippruvaw kemm jista’ jkun iwaqfuh fil-ħin – Mhux faċli, wieħed irid joqod attent minħabba s-saħħa u s-sigurtà tiegħu għaliex jekk tispiċċa fil-ħaxix tkun fil-periklu – Barra minn hekk wieħed irid jara il-forza tar-riħ għaliex fejn qiegħed jaqbad, bir-riħ jibdew itiru ġmamar u jqabbadlek warajk u wieħed irid ikun attent biex ma jispiċċax imdawwar bin-nar u jispiċċa jinħaraq huwa stess kawza tad-duħħan. Dan mhux faċli, partikolarment fil-każ tal-Miżieb għaliex f’ħinijiet minnhom x’ħin taħseb li n-nar waqaf, tinnota li qed jaqbad x’imkien ieħor. Intużaw ukol ‘drones biex ituna stampa ċara dwar dak li kien qed jiġri. In-nar beda fil-11AM u baqa’ sejjer sa tard filgħaxija – il-ħidma kompliet matul il-lejl iżda dak il-ħin ikollna nnaqsu mill-affarijiet li nkunu qed nagħmlu għax mhux faċli, tiġri u taqbeż il-ħitan filwaqt li titfi n-nar dak il-ħin għax huwa perikoluż.

Kif jikkumpara dan li ġara l-Miżieb ma nirien oħra li rajt tul il-karriera tiegħek?

Bħal daż-żmien speċjalment fil-bidu tal-istaġun, dejjem ikollna dawn in-nirien – dan kien wieħed mill-ikbar lokalizzat f’post wieħed pero mhux l-ewwel darba li kelna dawn it-tipi ta’ interventi ma’ Malta kolha. Meta nar jibda mid-direzzjoni tat-triq, ġeneralment dejjem ikun hemm l-intervent tal-bniedem involut – forsi għax tkisser xi flixkun u l-ħġieġ bil-ħin isir lenti u biż-żmien iqabbad il-ħaxix – forsi xi ħadd jitfa sigarett. Ġimgħa ilu kelna nar bl-istess intensita iżda f’ħafna postijiet differenti, din id-darba kellu l-istess intesità iżda f’post ħafna akbar – fis-Sajf ikollna ħafna minnhom pero mhux normali nar f’dak il-kobor.

L-appell tiegħek lejn il-pubbliku.

Jekk xi ħadd jara nar, importanti li tinfurmawna fl-inqas ħin possibli u ma tibqgħux fil-viċinanzi tal-post pero importanti li juruna minn fejn irridu nidħlu għaliex f’kull post hemm ħafna passaġġi u toroq minn fejn jista’ jidħol – ħafna drabi ma jkunx faċli biex issib minn fejn. Problema oħra li nsibu hi li t-toroq tal-kampanja huma żgħar u anke meta wieħed jipparkja bl-addoċċ ha jżomm il-vettura millli tgħaddi u allura sakemm tasal fuq il-post in-nar u l-ħsara tilħaq tikber. Importanti li ma jintremewx affarijiet barra għax dan jikkawża aktar nar.