Lokali

L-akbar ammont ta’ adozzjonijiet fl-aħħar sena ġew mill-Indja

Ġiet mnedija strateġija nazzjonali dwar l-adozzjoni, għat-tfal u l-familja tagħhom – strateġija bbażata fuq il-prinċipji li fost oħrajn ġejjin mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989, u li jitrattaw l-aħjar interess tat-tfal, il-privatezza, il-permanenza u l-istabilita’ emozzjonali fost l-oħrajn.

Fost il-bidliet sinifikanti…. hemm id-decizjoni li jitnaqqas ghal 5 snin il-perijodu li fih tfal fostered ikunu jistghu jigu adottati. Fil-prezent, dan il-perijodu hu ta’ 10 snin.

Waqt it-tnedija ta’ din l-istrategija tkellem il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-iStandards ta’ Ħarsien Soċjali, Matthew Vella illi ta ħarsa lejn l-aktar punti mportanti ta’ din l-istrateġija ….li għalkemm kienet diġa ntrodotta ftit tax-xhur ilu, issa ser tidħol fis-seħħ wara konsultazzjoni ma’ bosta entitajiet, familji u tfal li jintlaqtu direttament.

Din l-istrateġija li se tidħol fis-seħħ tikkonsisti minn 25 miżura li huma bbażati fuq tliet pilastri – L-ewwel, it-twaqqif tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni li qiegħda sservi sabiex tiżdied aktar il-kollaborazzjoni f’dan is-settur u biex jiġi simplifikat il-proċess kollu relatat mal-adozzjoni. It-tieni, li għall-ewwel darba ġew imnedija Standards Soċjali Regolatroji mmirati għall-adozzjonijiet u mħarsa b’avviż legali li kontinwament jħarreġ lill-profesjonisti f’dan is-settur. It-tielet, biex is-sistemi u l-proċessi tal-adozzjoni jiġu simplifikati.

Matthew Vella qal ukoll li mill-ġimgħa d-dieħla ser jitwaqfu żewġ kumitati ffurmati minn ‘stakeholders’ biex jibdew jaħdmu fuq dan il-pjan ta’ 25 miżura filwaqt li jevalwaw u jimmoniteraw dan kollu.

L-istatistika turi li l-akbar ammont ta’ adozzjonijiet fl-ahhar sena kienu ġejjin mill-Indja, statistika li toħroġ minn total ta’ 54 adozzjoni. L-Indja hija l-aktar pajjiż popolari għall-fatt li tistà tadotta tfal ta’ eta’ żgħira.