Futbol Sport

L-Istati Uniti u l-Iżvezja jegħlbu ostakli diffiċli u jgħaddu mal-aħħar tmienja tat-Tazza tad-Dinja

(Ritratt: EPA)

Iċ-champions tad-dinja l-Istati Uniti għaddew minn eżami diffiċli iżda finalment ħarġu rebbieħa kontra Spanja 2-1 biex mal-aħħar tmienja se jaffrontaw l-organizzaturi Franza.  Il-favoriti għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja rkupraw minn ħasda kmieni u spiċċaw għaddew permezz ta’ żewġ penalties.

Megan Rapinoe fetħet l-iskor minn penalty għat-tim Amerikan wara seba’ minuti iżda Spanja ġabet id-draw żewġ minuti wara. F’azzjoni ta’ Lucia Garcia, Jennifer Hermoso ħadet vantaġġ minn żball difensiv biex skorjat b’mod brillanti.

It-tieni taqsima żiedet fit-tensjoni tagħha bl-Amerikani jingħataw it-tieni penalty fis-76 minuta f’deċiżjoni li damet biex tittieħed b’konsultazzjoni mal-VAR. Dan wara kuntatt dubjuż fil-kaxxa, bl-Ispanjoli jipprotestaw għal dak li raw li Rose Lavelle waqgħet faċilment fil-kaxxa. Megan Rapinoe reġgħet inkarigat ruħha u skorjat b’xutt fil-baxx fuq in-naħa xellugija tagħha.

L-Iżvezja se tkun qed tilgħab kontra l-Ġermanja fil-kwarti tal-finali wara rebħa ta’ 1-0 kontra l-Kanada li waslet bi tbatija lejn it-tmiem. Wara taqsima deludenti, kienet Stina Blackstenius li fil-55 minuta qabbżet il-ballun fuq il-gowkiper Kanadiża Stephanie Labbe, f’dak li kien l-ewwel xutt fil-lasta tal-logħba. Il-Kanada kellha ċ-ċans li ġġib id-draw fit-68 minuta meta huma ngħataw penalty minħabba li l-ballun ħabat ma’ id Kosovare Asllani fil-kaxxa. Iżda x-xutt ta’ Janine Beckie ġie salvat tajjeb minn Hedvig Lindahl.

B’riżultat minimu l-Kanada pruvat tisforza l-logħba għall-ħin barrani iżda mingħajr suċċess. Eżatt ma’ tmiem il-logħba kien hemm kważi kontroversja meta r-referee Kate Jacewicz tkellmet mat-tim tal-VAR wara t-tisfira finali minħabba li possibbilment xutt ħabat ma’ id plejer tal-Iżvezja fil-kaxxa, iżda l-penalty ma ngħatax u ċ-ċelebrazzjonijiet Żvediżi komplew.