Futbol Sport

L-Italja eliminata wara d-draw bejn ir-Rumanija u Franza

(Ritratt: EPA)

Franza u r-Rumanija għaddew it-tnejn għas-semifinali tal-Kampjonat Ewropew ta’ taħt il-21 sena kif ukoll ikkwalifikaw dirett għall-Olimpjadi ta’ Tokyo s-sena d-dieħla. Dan wara li t-tnejn kienu kuntenti bi draw, riżultat li elimina lit-tim nazzjonali Taljan li kien għadu l-uniku tim b’ċans li jikkwalifika mal-aħħar erbgħa.

L-Italja riedet rebħa għar-Rumanija jew rebħa għal Franza b’distakk ta’ tliet gowls biex tilgħab is-semifinali f’tournament li qed jintlagħab f’pajjiżha. B’hekk kienet fatali t-telfa ta’ 1-0 li t-tim ta’ Luigi Di Biagio sofra kontra l-Polonja.

Franza fetħet tajjeb iżda l-intensità tagħhom damet għal madwar kwarta. Iż-żewġ gowlkipers ftit kienu impenjati, b’Franza kellhom aktar pussess hekk kif ir-Rumeni bdew joperaw b’kontrattakki lejn l-attakkant George Puscas.

L-aħjar ċans tal-logħba seħħ fit-78 minuta’ b’daqqa ta’ ras ta’ Adrian Rus taħbat ma’ Lucas Touart u spiċċa ftit bogħod mil-lasta Franċiża. L-urġenza għar-rebħa miż-żewġ timijiet baqgħet ma dehritx, bir-Rumanija tikkwalifika bħala rebbieħa tal-grupp u taffronta lill-Ġermanja filwaqt li Franza tilgħab kontra Spanja fis-semifinali l-oħra.

Fil-logħba l-oħra mill-istess grupp, il-Kroazja u l-Ingilterra spiċċaw fi draw ta’ 3-3 f’logħba li l-Kroati kienu tliet darbiet minn taħt. Għaż-żewġ timijiet dan kien l-ewwel punt tagħhom.

L-Ingliżi marru minn fuq wara għaxar minuti meta Branimir Kalaica waqqa’ lil Reiss Nelson fil-kaxxa, bl-istess plejer jiskorja l-penalty. Il-Kroazja ġabet id-draw fid-39 minuta b’azzjoni ta’ Josip Brekalo fuq ix-xellug, biż-żagħżugħ jiskorja b’xutt sabiħ għar-rokna ta’ fuq.

James Maddison reġa’ poġġa lit-tim Ingliż minn fuq fit-48 minuta meta l-ballun spiċċa fid-direzzjoni tiegħu u skorja minn qagħda tajba fil-kaxxa l-kbira. L-iskor sar 2-2 fit-62 minuta b’xutt preċiż għar-rokna minn barra l-kaxxa ta’ Nikola Vlasic.

Id-difensur Jonjoe Kenny għamel l-iskor 3-2 favur l-Ingilterra b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa iżda l-Kroati reġgħu ġabu d-draw fit-82 minuta b’Josip Brekalo jiskorja t-tieni gowl personali b’xutt fil-baxx mill-kaxxa ż-żgħira.