Lokali

Ma jistgħux jistadu għat-tonn – Għadhom qed jistennew il-permess

Fid-9 ta’ April li għadda, b’konferenza tal-aħbarijiet f’Marsaxlokk, is-Segretarju Parlamentari responsabbli fost oħrajn għas-Sajd, Clint Camilleri, ħabbar il-kwoti ġodda għas-sajd tat-Tonn.

B’pompa kbira, hekk kif kienet bdiet tirranka l-kampanja għall-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju, l-istess Clint Camilleri ħabbar l-allokazzjoni ta’ liċenzji ġodda għas-sajd tat-tonn.

Iżda iktar minn xahrejn u nofs wara, uhud mis-sajjieda għadhom qed jistennew din il-liċenzja.

Sajjieda dilettanti li tkellmu ma’ Net News qalu li diversi tentattivi biex jagħmlu kuntatt mal-Ministeru u d-Dipartimenti konċernat irriżultaw fin-negattiv u baqgħu fil-għama.

Uħud qalu li l-uffiċjali semmew is-17 ta’ Ġunju bħala d-data meta jinħarġu dawn il-liċenzji. Iżda s-17 ta’ Ġunju gie, għaddiet ġimgħa minn fuqu u għad m’hemm l-ebda ħjiel ta’  dawn il-liċenzji.

Meta reġgħu ippruvaw jagħmlu kuntatt mal-Ministeru, dawn wieġbuhom li m’għandhomx biżżejjed nies biex jipproċessaw dawn il-liċenzji. Is-Sajjieda qalu li meta jitqies li l-Gvern ħabbar 52 liċenzja iktar minn xahrejn u nofs ilu, dawn il-liċenzji kienu ilhom li nħarġu kieku ipproċessaw imqar waħda kuljum mill-għada li tħabbru mis-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri.Dawn is-sajjieda, li diġa’ ħarġu l-flus biex ikunu jistgħu jistadu għat-tonn, issa qed iħossuhom ittraduti u li l-Gvern qed jgħaddihom biż-żmien.