Irridu nżommu f’moħħna li dak li qed jiġri bħalissa fl-Unjoni Ewropea mhux xi ħaġa li qed jiġri ‘l bogħod minna. Għall-kuntrarju, qed jiġri qrib darna.
Hekk iddikjara l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tweġiba għal Stqarrija Ministerjali mill-Prim Ministru dwar is-Summit tal-Kunsill Ewropew li attenda għalih il-ġimgħa li għaddiet.
Adrian Delia għamel referenza partikolari għall-kwistjoni tat-tibdil fil-klima, kif ukoll għall-għażla li għandha ssir bejn min se jkun il-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea.
Dwar it-tibdil fil-klima, Adrian Delia qal li għandha tingħata prijorità ħafna akbar lil kull ħaġa li tmiss mal-Ambjent. Iżda fuq kollox, il-politiċi għandhom ifissru din l-importanza lil kulħadd matul il-ħidma tagħhom.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li hu realistiku meta wieħed iħares lejn l-iżviluppi fit-tibdil fil-klima daqslikieku hi emerġenza nazzjonali. Għax il-verità hi li rridu naraw x’għandu jsir biex is-sitwazzjoni ma tkomplix tiggrava.
Tenna li jekk ma jittieħdux azzjonijiet prattiċi fi ftit snin, din is-sitwazzjoni se tkun qed taħrabilna minn taħt idejna, għad-detriment ta’ uliedna u ulied uliedna.
Sadanittant, Adrian Delia għamel referenza wkoll għall-għażla li għandhom jieħdu l-Mexxejja Ewropej dwar min se jkun qed imexxi l-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea.
Dwar dan, hu appella mill-ġdid biex jekk verament nemmnu fid-demokrazija u li l-Unjoni Ewropea tkun tal-poplu, għandha tkun rispettata r-rieda tal-popli Ewropej fl-elezzjonijiet ta’ Mejju li għadda.
L-aktar grupp politiku li kiseb siġġijiet fil-Parlament Ewropew hu l-Partit Popolari Ewropew, li għandha bħala Kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea lil Manfred Weber
Min-naħa l-oħra, il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat qed jappoġġja lill-Kandidat tas-Soċjalisti Frans Timmermans, li fil-programm tiegħu anke ssuġerixxa sistema unika ta’ tassazzjoni fl-Ewropea. Dan għad-detriment ta’ pajjiżna, li s’issa qed tgawdi minn sistema ta’ tassazzjoni favorevoli, grazzi għall-ħidma ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti.
//= $special ?>