Vadas Martinaitis, Litwan ta’ 28 sena, li l-Pulizija qed jgħidu wkoll li għandu karta tal-identita’ ta’ xi ħadd ieħor u li ġieli jgħid li hu Levan Mamardashvili ta’ 24 sena mill-Georgia ġie mixli b’serq ta’ ġojjellerija minn dar f’Tas-Sliema.
Il-Pulizija temmen li dan ir-raġel li kien tressaq ma’ persuna oħra jagħmel parti minn “gang” ta’ persuni li jinsabu Malti u li xogħolhom hu li jisirqu minn diversi djar f’diversi lokalitajiet f’Malta.
Ir-raġel li tressaq il-Qorti ġie mixli quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li fis-7 ta’ Novembru tal-2018 minn dar fi Triq Karm Galea, tas-Sliema seraq mhux biss ġojjellerija iżda oġġetti oħra li jinkludi arloġġ. Huma ġie mixli b’serq aggravat li jaqbeż l-€2,300. Huwa ġie mixli wkoll li assoċja ruħ ma’ persuni oħra f’dan is-serq.
L-Ispettur Joseph Mercieca, li ressaq lil persuna flimkien mal-Ispettur Shawn Pawney qal fil-Qorti li fuq il-mobajl tal-akkużat instabet ukoll xi nformazzjoni lleċta li għandha x’taqsam ma’ tranżazzjonijiet illegali.
Huwa kien tressaq ma’ persuna oħra fit-3 ta’ Ġunju li għadda wara li skont l-pulizija rnexxielhom jaqbduhom fil-Fgura wara li ġrew warajhom fuq il-bjut tar-residenzi.
Iż-żewġ persuni kienu tressqu l-Qorti akkużati b’serq, ħasil ta’ flus u reat kriminali organizzat. Hu mifhum li l-irġiel serqu €20,000 f’serqa waħda biss. Iż-żewġ irġiel, wieħed ta’ 41 sena mill-Georgia, u ieħor ta’ 28 sena mil-Litwanja, jew aħjar dak li tressaq it-Tnejn filgħodu, kienu wieġbu mhux ħatja għall-akkużi.
Huma kienu ġew arrestati fl-1 ta’ Ġunju wara li l-pulizija kellhom jiġru warajhom fuq il-bjut. Wieħed mill-akkużati qabeż minn bejt minnhom biex jevita lill-pulizija, iżda spiċċa nqabad xorta waħda peress li weġġa’ meta qabeż.
Il-pulizija qalu li l-investigazzjonijiet dwar “għexieren ta’ serqiet” għadhom għaddejjin. Barra mill-attentat ta’ serq fil-Fgura, il-Litwan hu akkużat b’seba’ serqiet oħra fosthom minn Tas-Sliema . Ir-raġel li tressaq għal darba oħra baqa’ miżmum taħt arrest preventiv. Għalih deher l-Avukat Edward Gatt.
//= $special ?>