Milan u Inter qed ikomplu jersqu lejn konferma uffiċjali li jibnu stadium ġdid bejniethom. Il-President ta’ Milan Paolo Scaroni u l-Amministratur Delegat ta’ Inter Alessandro Antonello t-tnejn ikkonfermaw dan il-ħsieb hekk kif it-tnejn jinsabu f’Lausanne minħabba l-kandidatura ta’ Milan u Cortina biex jorganizzaw l-Olimpjadi tax-xitwa fl-2026.
Scaroni qal li se jinbena stadium ġdid ħdejn l-istadium ta’ San Siro filwaqt li jitwaqqa’ l-istadium oriġinali. Hu żied li mhux possibbli li jintlagħbu żewġ logħbiet fil-ġimgħa f’impjant li jkun qed isir xogħol fuqu. Antonello kkonferma li l-istadium il-ġdid jinbena flimkien ma’ Milan.
Iżda s-Sindku ta’ Milan Beppe Sala tkellem dwar il-futur ta’ San Siro li tiegħu l-Kunsill ta’ Milan hu l-proprjetarju. Hu qal li fil-preżentazzjoni tal-kandidatura għall-Olimpjadi tax-xitwa tal-2026 taw garanzija li San Siro se jkun għadu jiffunzjona. “Wara l-2026, f’każ li jkun hemm stadium ġdid, niddeċiedu l-futur ta’ San Siro,” qal Sala.
San Siro hu meqjus bħala wieħed mill-isbaħ stadiums fl-Ewropa. Fosthom intlagħbu logħbiet mit-Tazza tad-Dinja tal-1934 u l-1990 kif ukoll mill-Kampjonat Ewropew tal-1980. Dan minbarra finali tal-UEFA Champions League u diversi logħbiet indimentikabbli fl-istorja tal-klabbs ta’ Milan u Inter. L-istadium jesa madwar 80,000 spettatur u matul is-snin saru diversi xogħlijiet biex ikun modernizzat.
L-istadium infetaħ fl-1926, b’Milan ilhom jilagħbu fih minn dak iż-żmien filwaqt li Inter ilhom jilagħbu fih minn wara mill-1947. It-tim nazzjonali Taljan lagħab ukoll xi partiti internazzjonali f’San Siro u darba ntlagħbet logħba rugby bejn l-Italja u n-New Zealand. Dan minbarra li fl-aħħar 40 sena saru diversi kunċerti minn fost l-aqwa kantanti fid-dinja.
//= $special ?>