Lokali

AĠĠORNATA: Fil-periklu tal-mewt wara argument f’Buġibba

Arkivji
Il-pulizija għaddejja b'tiftix għall-aggressur

Raġel mill-Maċedonja ta’ 58 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li allegatament ilbieraħ bil-lejl ġie aggredit minn raġel Serb fl-inħawi ta’ Buġibba.

Il-Pulizija qalet lil Net News li jirriżulta li ftit qabel il-10.00pm tal-bieraħ, huma ġew ikkuntatjati mill-Isptar Mater Dei li raġel barrani ddaħħal l-isptar mimli demm, wara li kien mar il-poliknika tal-Mosta. Allegatament huwa kien qala xi daqqiet b’arma li taqta’ u bil-ponta.

Il-Pulizija min-naħa tagħhom qalu li r-raġel allegatament kien qala’ xi daqqiet ta’ sikkina f’argument li seħħ fil-bnadi ta’ Triq l-10 ta’ Frar u Triq il-Korp tal-Pijunieri, f’Buġibba.

Minnufih bdiet tfittxija għall-allegat aggressur, fl-akwati ta’ Buġibba u l-Qawra, iżda ma nstabx, tfittxija li kompliet għaddejja anki fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.

Sorsi qalulna li saret tfittxija wkoll fil-Mosta u n-Naxxar hekk kif daħlet informazzjoni li l-aggressur deher f’dawn il-lokalitajiet.

Il-Pulizija intant qalulna biex kull min għandu xi tip ta’ informazzjoni dwar dan il-każ għandu minnufih jagħmel kuntatt magħhom.

Bil-każ ġiet informata l-Maġistrat tal-Għassa Gabriella Vella li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.