Il-Kamerun bdiet tiddefendi l-kompetizzjoni b’rebħa ta’ 2-0 kontra l-Guinea-Bissau fi Grupp F. Huma kellhom bżonn 66 minuta biex fetħu l-iskor meta minn korner ta’ Karl Toko Ekambi, għola tajjeb id-difensur Yaya Banana li skorja b’daqqa ta’ ras b’saħħitha. Tliet minuti wara t-tim ta’ Clarence Seedorf irdoppja meta Stephane Bahoken skorja mill-viċin wara li l-ballun spiċċa għandu wara taħwida difensiva fil-kaxxa.
Il-preparazzjonijiet tal-Kamerun kienu mtappna wara argumenti minħabba l-bonus fejn saħansitra l-iskwadra pprotestat qabel telqet lejn l-Eġittu. Il-ħames darbiet rebbieħa bdew b’mod kajman iżda kibru aktar ma għadda l-ħin u kellhom xi okkażjonijiet qabel tmiem l-ewwel taqsima. Christian Bassogog falla l-mira darbtejn minn pożizzjonijiet tajba filwaqt li Andre-Frank Zambo Anguissa ra x-xutt tiegħu jgħaddi barra. Il-gowlkiper ta’ Guinea-Bissau salva tajjeb fuq tentattivi ta’ Joyskim Dawa Tchakonte u l-captain Eric Choupo-Moting qabel waslu ż-żewġ gowls li ddeċidew il-konfront.
Fil-logħba l-oħra minn Grupp F, il-Ghana kienet sfurzata tikkuntenta bi draw kontra l-Benin. Mickael Pote poġġa lill-Benin minn fuq wara żewġ minuti iżda Andre Ayew ġab id-draw fid-disa’ minuta. Ħuh Jordan Ayew tefa’ lil Ghana minn fuq fit-42 minuta iżda Pote ġab id-draw fit-63 minuta wara li tmien minuti qabel tkeċċa d-difensur tal-Ghana John Boye. L-erba’ darbiet rebbieħa l-Ghana jirritornaw fl-azzjoni kontra l-Kamerun is-Sibt filgħaxija.
Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani
Grupp F: Kamerun v Guinea-Bissau 2-0, Ghana v Benin 2-2
Logħob li jmiss
Grupp A: Uganda v Żimbabwe 7.00pm, Eġittu v Kongo 10.00pm
Grupp B: Niġerja v Guinea 4.30pm
//= $special ?>