Wara li l-Ministru Ian Borg ressaq ta’ malajr il-liġi biex jinbidlu r-regoli marbuta mat-twaqqigħ u t-tħaffir f’siti ta’ kostruzzjoni, il-Kamra tal-Periti qed titlob laqgħa urġenti mal-Ministru. Anke minħabba l-fatt li sa issa għadhom ma ingħatawx kopja tal-Avviż Legali kif emendat.
Fi stqarrija l-President tal-Kamra Simone Vella Lenicker qalet li hemm ħafna punti pendenti li jeħtieġu kjarifika. Fil-fatt, il-Periti resqu sett ta’ 27 domanda lill-Ministru Ian Borg.
Fost l-oħrajn, il-Kamra tal-Periti qed tqajjem serje ta’ punti relatati mas-Site Technical Officer, x’responsabbiltajiet għandhom il-kuntratturi, u jekk il-Building Regulations Office hux se jwaqqaf kull sit li jinstab mhux kompatibbli ma’ dawn ir-regoli ġodda.
Il-Kamra tistaqsi wkoll x’se jiġri mill-geotechnical design report, minħabba l-fatt li dan ma ssemmiex fl-istqarrija li għamel Ian Borg fil-Parlament.