Sport

Illum fl-azzjoni Eleanor Bezzina fil-Logħob Ewropew f’Minsk

(Ritratt: Martin Agius)

Illum tidħol fl-azzjoni l-aħħar atleta minn erbgħa Maltin li qed jieħdu sehem fit-tieni edizzjoni tal-Logħob Ewropew f’Minsk, fil-Belarus. Eleanor Bezzina, friska mill-midalja tad-deheb fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fil-Montenegro, se tieħu sehem fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-25 metru air pistol, bil-kompetizzjoni tibda fid-9.00am.

Il-Ħadd, iċ-ċiklist Alexander Smyth ħa sehem fit-tellieqa tat-triq twila 180km. Smyth kellu jaħdem waħdu minħabba li kien hemm biss post allokat għal Malta u tul it-tellieqa żamm postu fil-grupp ewlieni. Hu temm fil-95 post minn 141 ċiklist 6 minuti u 39 sekonda wara r-rebbieħ. Dsatax-il ċiklist ma spiċċawx it-tellieqa.

Is-Sibt kien fl-azzjoni l-judoka Jeremy Saywell li kien eliminat mal-aħħar 32 mill-judoka li spiċċa rebaħ il-kategorija ta’ taħt is-66 kilo. Bejn is-Sibt u l-Ħadd ħadet sehem it-tiratriċi Mikaela Galea li spiċċat fit-28 post.

L-atleti Maltin huma akkumpanjati mill-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello, is-Segretarju Ġenerali Joe Cassar filwaqt li d-Direttur tal-Isport Ivan Balzan qed jaġixxi wkoll ta’ Chef de Mission għal dawn il-Logħob.