Atletika Sport

L-eks kap tal-IAAF Lamine Diack akkużat b’korruzzjoni u ħasil tal-flus

L-eks kap tal-IAAF Lamine Diack u t-tifel tiegħu Papa Massata Diack se jkunu akkużati fi Franza dwar korruzzjoni u ħasil tal-flus. Lamine Diack li għandu 86 sena ilu taħt arrest f’daru fi Franza minn Novembru tal-2015 iżda ibnu kien mar lejn pajjiżu s-Senegal u qatt ma kien mistoqsi mill-awtoritajiet Franċiżi.

Diack li fil-passat kien rebbieħ tal-long jump fi Franza, mexxa b’mod awtokratiku l-IAAF għal 16-il sena. Fil-bidu hu kien imfaħħar għat-tmexxija tiegħu mid-darbtejn rebbieħ Olimpiku Lord Coe, li ħa t-tmexxija mingħandu f’Awwissu tal-2015. Iżda Coe kellu jibla’ kliemu tliet xhur wara l-elezzjoni meta ħarġu l-ewwel dettalji bl-involviment ta’ Diack biex jirċievi flus u jaħbi testijiet pożittivi tad-drogi minn atleti Russi.

Din il-konfoffa nkludiet ukoll lill-Kap tal-Atletika Russa u eks teżorier tal-IAAF Valentin Balakhnichev, l-eks kowċ nazzjonali tar-Russja Alexei Melnikov, l-eks ajjutant ta’ Diack Habib Cisse u l-eks kap kontra d-doping tal-IAAF Gabriel Dolle. Dawn l-erbgħa wkoll se jidhru għall-istess akkużi.

L-awtoritajiet Franċiżi kienu qed jinvestigaw ukoll allegazzjonijiet li Diack inxtara tal-voti tiegħu f’diversi voti ta’ livell li saru marbuta mal-isport. Diack li kien ukoll membru tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, intqal li kien jikkontrolla l-voti ta’ diversi kollegi tiegħu mill-Afrika.

Diack li kien eks Sindku tal-kapitali Senegaliża Dakar, allegatament uża dawn il-pagamenti biex ikollu l-fondi għall-kampanji politiċi fis-Senegal kif ukoll biex jgħix ħajja lussuża f’Monaco fejn hi bbażata l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Atletika.

Tags