Lokali Parlament

L-OHSA m’għandhiex riżorsi biżżejjed biex taħdem

  • Marthese Portelli, PN

Id-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli qalet li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) m’għandhiex riżorsi biżżejjed biex taħdem u għalhekk ma tistax twettaq id-doveri tagħha kif mitluba.

Fil-parlament Marthese Portelli sostniet li hawn nuqqas ta’ għarfien fuq is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u tkellmet dwar l-importanza tal-project supervisor biex ikun responsabbli mis-saħħa u s-sigurtà.

Hi tkellmet ukoll dwar ir-rwol tal-persuni kompetenti, ir-reġistru tal-persuni kompetenti, liġijiet li jagħmlu elenku tal-kwalitajiet tal-persuni kompetenti u l-importanza li jkun hemm konsiderazzjoni ħolistika għal dan is-settur. Hi staqsiet jekk ir-reġistru tal-persuni kompetenti hux komplut u tkellmet dwar l-importanza li l-OHSA tingħata l-għodda kollha u neċessarja biex topera bl-aħjar mod.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-pożizzjoni tal-persuni kompetenti għandha tkun estiża għal kull proġett. Mas-saħħa u s-sigurtà ħadd m’għandu jilgħab, sostniet Marthese Portelli, li tkellmet ukoll dwar l-importanza tat-taħriġ fejn min jimpjega jkopri wkoll lill-kuntratturi li taħthom hemm is-sub contracts.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li awtoritajiet u dipartimeni tal-gvern m’humiex jaqblu dwar il-livell u l-kwalità ta’ taħriġ li għandhom jingħataw il-ħaddiema. Hi semmiet is-settur tal-kostruzzjoni u qalet li għandha issir insistenza biex ikun hemm taħriġ adegwat għal kull impjegat u għas-soċjetà.

Marthese Portelli tkellmet dwar l-infurzar u qalet li mhux faċli jsir infurzar adegwat speċjalment bir-riżorsi li għandha l-OHSA; li trid tagħmel 10,500 spezzjoni meta m’għandhiex il-ħaddiema meħtieġa. Jeħtieġ li tintuża l-għodda teknoloġika li hawn llum fil-ħruġ tal-persuni biex ikun hemm il-kontrolli meħtieġa.

Marthese Portelli appellat biex issir kampanja ta’ informazzjoni għaliex hawn persuni li ma jafux ir-responsabbiltajiet legali tagħhom.